Monday, November 4, 2024

L-akbar tnaqqis fit-taxxa għall-‘middle class’

Il-Prim Ministru Robert Abela dwar il-baġit 2025

Aqra wkoll

“Fil-baġit li jmiss se naraw l-akbar tnaqqis fit-taxxa għall-middle class’ li qatt rajna fl-istorja ta’ pajjiżna.” Hekk ħabbar il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq One Radio.

Dr Abela qal li fadal ħafna xi jsir b’mod partikolari biex il-middle class tkompli tkun inċentivata. Fil-fatt, il-Prim Ministru qal li fil-Baġit li jitħabbar f’Ottubru li ġej il-Gvern se jkun qiegħed imiss it-’tax bands’ biex din il-faxxa fis-soċjetà jkollha aktar inċentivi u tara l-akbar tanqqis fit-taxxa li qatt rat.

Waqt l-intervista, il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar l-inflazzjoni fil-pajjiż. Hu fakkar il-ġrajjiet li seħħew biex f’Malta u madwar id-dinja rajna inflazzjoni għolja. Fost l-oħrajn semma l-ħruġ mill-Pandemija, iż-żewġ gwerew li ħolqu problemi loġistiċi kbar. Semma wkoll l-kriżi fl-enerġija li konsegwenza ta’ dan splodew il-prezzijiet taż-żejt.

Qal li f’Malta kien hawn min ta l-parir fosthom l-Oppożizzjoni li l-piż għandu jerfgħu l-poplu, iżda “aħna l-politika tagħna hija waħda ta’ sosten”. Sostna li l-piż tal-inflazzjoni għandu jerfgħu l-Gvern u mhux il-poplu u fil-fatt, Gvern Laburista ħa d-deċiżjoni li jissusidja l-prezzijiet tal-enerġija u issa ilhom stabbli għal dawn l-aħħar 4 snin.

Imbgħad, kompla jgħid il-Prim Ministru li seħħet inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel u anke fis-settur tal-propjetà. Kien hawn ukoll li l-Gvern ħa azzjoni mill-ewwel u daħħal l-iskema Stabbilità li rat ir-rata tal-inflazzjoni fil-ikel tonqos bi 2%. Sostna li pajjiżna rnexxielu jilħqu l-miri li kienu ppjanati sal-aħħar tas-sena fit-tielet kwart tas-sena.

Dr Abela kompla jitkellem dwar it-tnaqqis fit-taxxi li mistenni jkun hemm fil-baġit li jmiss fejn qal li se jintbgħat messaġġ ċar ħafna ta’ kuraġġ biex kulħadd jibqa’ miexi ‘l quddiem. “Il-pajjiż jinsab f’qagħda f’saħħitha u allura se nibgħu ngħinu lin-nies.”

Imbgħad, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż fejn sostna li issa rridu nimxu pass ieħor ‘il quddiem fejn niffikaw l-ekonomija tagħna fuq il-kwalità u mhux lejn il-kwantità. Fakkar li għaxar snin ilu pajjiżna la kellu kwalità u lanqas kwantità. Qal li dakinhar l-ekonomija kellha bżonn kick stat b’saħħitha u dan kollu ħalla r-riżultati. “Issa rridu naġġustaw l-affarijiet. Se nkunu qegħdin niffokaw fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità,” tenna l-Prim Ministru Abela.

Sport