Minn Cristian Muscat
Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?
L-atletika kont inħobbha minn ċkuniti. Kont parti mit-tim tal-iskola De La Salle. Meta spiċċajt l-iskola ma bqajtx nittrennja imma mbagħad kien rega ħajjarni wieħed mill-kowċis li kelli l-iskola u erġajt bdejt inħobb id-dixxiplina.
Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?
Oriġinarjament, kont bdejt ta’ etá żgħira ħafna l-iskola De La Salle. Dak iż-żmien konna nikkompetu fil-kampjonat tal-MAAA bejn l-iskejjel kif ukoll fit-trakka tal-Marsa li kienet għadha żrar. Bħala adult erġajt bdejt nipprattika dan l-isport meta kelli 34 sena.
X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?
Kif tennejt kont diġa nipprattikah qabel imma issa r-raġuni primarja li nerġa nibda kienet biex nibqa’ b’saħħti kif ukoll peress li xi ħbieb kienu ħajruni ningħaqad mal-klabb tal-Mellieħa. Għalhekk kienet għażla faċli li nerġa’ nibda nittrenja l-atletika. Għalkemm nagħmel parti minn Klabb u niltaqgħu biex niġru flimkien, l-atletika tagħtik il-flessibiltá li titħarreġ fejn u x’ħin trid, kemm waħdek kif ukoll mal-ħbieb.
Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?
Fiż-żmien li kont l-iskola kien hemm numru ta persuni strumentali. L-aħwa Joe u Gino Mallia u l-qatt minsija John Taylor u Martin Abel. Dawn kollha kienu għalliema/kowċis fl-iskola De La Salle u kien bis-saħħa tagħhom li nibtet l-imħabba għall-isport u b’hekk sibt ruhi fit-tim tal-atletika tal-iskola. Imma mbagħad għadda ż-żmien, spiċċajt l-iskola u qtajt l-isport. Kont bqajt midħla tal-iskola, peress li għandi t-tifel student hemmhekk, u darba ltqajt ma Joe u Gino u qaluli nerġa nibda u nidħol lura mat-tim ta’ La Salle….u b’hekk erġajt tħajjart imma mbagħad spiċċajt mal-Mellieha.
Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?
Ma nqisx lili nnifsi fost l-aqwa atleti u qatt ma kkompetejt għall-unuri. Il-kategorija tiegħi hija waħda missielta ħafna u hemm atleti ferm tajbin, u għalhekk unuri personali m’għandix. L-għan prinċipali hu li nissielet miegħi innifsi biex inzomm ruħi ddixxiplinat u dejjem intejjeb il-ħin tiegħi. Ovvjament iktar ma tikber dan isir iktar diffili imma xorta l-akbar unur għalija dejjem ikun li nibda u nispiċċa tellieqa u ntejjeb il-ħinijiet personali. Barra minn hekk għalkemm huwa sport individwali xorta tista tikkontribwixxi fuq livell ta’ klabb fil-league ta Athletics Malta. Min jaf forsi maż-żmien jirnexxieli nirbaħ xi unur individwali wkoll.
Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?
L-aħjar ħinijiet ksibthom bejn l-2021 u l-2022. Ovvjament, dawn kienu titjib fuq il-ħinijiet preċedenti tiegħi fejn għamilt 1:36 fin-Nofs Maratona, 44:26 fit-10K u 20:39 fil-5K. Din l-aħħar sena w nofs bdilt il-kowċ u bil-mod qed nerġa noqrob lejn l-aħjar ħinijiet u forsi bi ftit aktar sagrifiċċju ntejjibhom ukoll.
Il-media tagħtikom bizzejed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?
Sfortunatament, il-media mhux dejjem tagħti l-importanza mistħoqqha lil dan l-isport. Hawn ħafna atleti tajbin f’kull kategorija li hafna drabi jikkompetu barra u jiksbu riżultati tajbin. F’dawn l-aħħar snin sar hawn ħafna aktar għarfien u bis-saħħa tal-midja soċjali u ġurnalisti bħalek, is-suċċessi ta dawn l-atleti qed jiġu magħrufa. Il-media konvenzjonali kif nafuha aħna minn dejjem kienet tagħti mportanza akbar lid-dixxiplini sportivi kbar bħalma huma l-futbol, basketball, waterpolo eċċ. Imma kif semmejt, peress li qed ikun hawn iktar ġirjiet organizzati; kemm kompettittivi, fun runs u oħrajn bi skop filantropiku, dan qed jiġi rifless fil-media aktar ta’ spiss.
Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?
Ħolm dejjem ikun hemm. Fl-aħħar qtajt xewqti li niġri barra minn Malta fejn ġrejt in-nofs Maratona ta’ Pisa f’Diċembru li għadda. Il-ħolma li jmiss hija li niġri d-distanza tal-Maratona speċjalment barra minn Malta bħal ngħidu aħna Berlin jew Londra. Għalissa peró qed niffoka li nerġa niġi fil-livell tal-aħjar ħinijiet tiegħi, intejjibhom u nibda nipprepara t-taħriġ għall-Maratona. U min jaf forsi jiġi xi unur f’xi kategorija wkoll!
X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattikka?
Bħal kollox fil-ħajja kull sport jeħtieġ sagrifiċċju u l-atletika mhux b’inqas. Fid-dixxiplina tagħna ghandek il-vantagg li titharreg x’hin trid peress li hafna mit-tahrig taghmlu wahdek, kemm tilbes iż-żarbun u titlaq. Imma xorta trid issib il-ħin għat-taħriġ pratikament kuljum, kemm jekk se tiġri kif ukoll eżerċizzji oħra biex issaħħaħ il-muskoli. Trid ukoll tieħu ħsieb li tagħti ċans li tirkupra kif ukoll tistrieħ u żżom dieta bilanċjata. Ngħid għalija mhux faċli tiċċaħħad minn ċertu ikel jew xi attivitajiet oħra imma jekk trid tieħdu bis-serjetá u ttejjeb lilek innifsek, trid tagħmel dawn is-sagrifiċċji speċjalment meta jkollok xi tellieqa mportanti.
Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.
L-atletika huwa sport individwali u kif għidt int, joħloq kompetizzjoni bejn l-atleti. Iva hemm kompetizzjoni sabiħa imma aħna lkoll ħbieb u ninkoraġġixxu lil xulxin. Infatti ħafna mid-drabi meta wieħed ma jkunx qed jikkompeti, dejjem naraw kif nagħmlu u nagħmlu l-ġirja tagħna fejn tkun qed issir it-tellieqa. B’hekk inkunu nistgħu ninkoraġġixxu lill-oħrajn. Pero iva hemm kompetizzjoni sabiħa u sportiva li tgħinek iktar timbotta lilek inniffsek.
X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?
Sfortunatament din-is sena kelli nnaqqas xi ftit minħabba injury u kelli nżomm pass lura mill-kompetizzjonijiet. Qed nittama li nerġa nkun qed nitħarreġ regolarment dalwaqt biex nerġa nsib il-forma. Baqa xi ftit tlielaq lokali f’Mejju u Ġunju imma mbagħad jonqsu hekk kif jibda jisħon it-temp, madanakollu qed nittama li nżomm it-taħriġ. Hekk malli jibda l-istaġun inkun lest biex nerġa nibda nikkompeti. Ovvjament nixtieq nerġa nagħmel tellieqa barra minn Malta forsi f’Ottubru imbagħad nixtieq nagħmel il-Malta International Challenge Marathon f’Novembru kif ukoll kompetizzjonijiet lokali u eventwalment id-distanza tal-Maratona.
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.
L-atletika bħal kull sport ieħor iżommok fiżikament u mentalment b’saħħtek kif ukoll jagħtik sodisfazzjon dejjem. Jekk wieħed jemmen fiħ innifsu u jieħu t-taħriġ bis-serjetá, tirbaħ jew ma tirbaħx unuri, dejjem tista tibqa tisfida lilek innifsek u ttejjeb il-ħin tiegħek. Is-sabiħ tal-Atletika, speċjalment dak fit-tul, ma għandux eta ta’ fejn wieħed jieqaf. Diment li tkun għadek b’saħħtek u titħarreg regolarment, tista’ tibqa tiġri sa kemm tiflaħ fi kwalunkwe distanza. Is-sodisfazzjon li tħoss kull meta tibda u tispiċċa tellieqa huwa kbir, speċjalment meta jirnexxielek ittejjeb il-ħin jew tisfida l-limiti ta’ ġismek!