Saturday, May 4, 2024

L-akkużat deher ċar f’ħafna mill-filmati tas-CCTV

Ikompli l-każ dwar il-qtil ta’ Mario Farrugia.

Aqra wkoll

Ir-raġel li jinsab akkużat bid-delitt ta’ Mario Farrugia, li l-katavru tiegħu nstab f’bagoll ta’ karozza, deher ċar f’ħafna mill-kameras tas-sigurtà li l-Pulizija elevat minn diversi nħawi b’rabta ma’ dan id-delitt inkluż fil-post fejn instabet il-karozza bil-katavru fiha. 

Dan jirriżulta minn xhieda li ta wieħed mill-esperti li kienu mqabbdin mill-Qorti sabiex janalizza filmati tal-cameras u data oħra miġbura minn mobile phones u apparat ieħor. 

L-espert Keith Cutajar kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Elliot Paul Busuttil ta’ 38 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ Mario Farrugia u li ħeba l-katavru tiegħu. Kien nhar il-5 t’April li għadda meta Farrugia, li kellu 62 sena, instab mejjet fil-bagoll ta’ karozza pparkjata fil-Wied ta’ Ħal Qormi. Huwa nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. 

Ix-xhud Cutajar spjega li kienu inġabru ‘l fuq minn 50 sett ta’ filmati minn CCTVs minn diversi lokalitajiet, iżda 36 minnhom kienu l-aktar rilevanti b’rabta ma’ dan il-każ. Dawn kienu fil-ħin ta’ bejn l-10.30 p.m. tat-28 ta’ Marzu sas-6.00 a.m. tad-29 ta’ Marzu.

L-attenzjoni kienet fuq Peugeot 407 li fiha nstab il-katavru. Intqal li dakinhar inħarġu wkoll żewġ tickets minn speed camera fuq din il-vettura filwaqt li kienu analizzati ammont sostanzjali ta’ cameras. “Waqt l-analiżi ta’ dawn il-cameras, irriżulta li kien hemm persuna partikolari li dejjem kienet qiegħda tintgħaraf, is-Sur Busuttil (l-imputat),” qal l-espert Cutajar. 

“Ġibna n-numru tal-mobile li l-imputat kien qed juża. Bdejt il-proċess ta’ triangulation. Inkwadrajna numru partikolari li kien qed jaqbel ma’ dak li osservajt fis-CCTVs. Fil-15 ta’ April attendejt għat-tfittxijiet li saru f’diversi lokalitjaiet fosthom f’Ħ’Attard fejn jirrisjedi l-imputat u postijiet oħra fejn kienu joqogħdu suspettati oħra f’dan il-każ,” kompla jispjega x-xhud. 

Cutajar qal li rriżulta li l-mobile li huwa kien qed isegwi nstab fil-pussess tal-imputat. Dan filwaqt li nġabret ammont sostanzjali ta’ evidenza oħra fosthom minn fuq xejn inqas minn 21 mobile, tablets u anke 17-il sim cards, USBs. Ix-xhud ippreżenta l-evidenza fil-Qorti l-evidenza miġbura fil-proċess.

Warajh xehdu wkoll esperti oħra forensiċi li fil-5 t’April kienu nominati bħala “scene of crime officers” rigward is-sejba ta’ katavru f’vettura f’Ħal Qormi. Minn tfittxija li għamlu ġie osservat likwidu ta’ demm ħiereġ mill-vettura.

L-esperti qalu li meta fetħu l-bagoll ġie nnutat katavru fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. Wara li nħareġ il-katavru, il-karozza ttieħdet għal aktar investigazzjoni. “Dornieha għall-impronti diġitali minn barra u minn ġewwa. Fuq is-seat tal-passiġġier ġie nnutat tiċpis ta’ lewn aħmar suspettat demm.” 

L-esperti spjegaw ukoll li fis-7 t’April kienu infurmati li se ssir l-awtopsja fuq il-katavru u marru l-kamra mortwarja. Qalu li huma ħadu ħsieb biex jelevaw il-ħwejjeġ li kien hemm fuq il-katavru.

Il-każ ikompli fl-20 ta’ Settembru. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati George Camilleri, Maria Schembri u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Wayne Camilleri, Jean-Paul Attard u Kurt Zahra. L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila qed jidhru għal Busuttil.

Sport