Saturday, December 21, 2024

L-akkużat pinġa fuq il-flokk lill-vittma qed tiġi stuprata

Ikompli l-każ ta’ Abner Aquilina mixli bl-istupru u l-qtil ta’ Paulina Dembska

Aqra wkoll

Abner Aquilina, li jinsab mixli bl-istupru u l-qtil ta’ Paulina Dembska f’Jannar tas-sena li għaddiet f’Tas-Sliema, allegatament pinġa lill-vittma qiegħda tiġi stuprata fuq in-naħa ta’ wara tal-flokk li kien liebes fiċ-ċella fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli.

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema l-kumpilazzjoni kontra Aquilina. Fost dawk li xehdu kien hemm l-Ispettur Christina Delia li ppreżentat ukoll il-flokk li kien liebes l-imputat u li fuqu kien hemm l-allegata tpinġija.

L-Ispettur Delia qalet li nhar it-2 ta’ Frar li għadda, għall-ħabta tat-8.35 p.m., hija flimkien ma’ erba’ uffiċjali oħra marru fiċ-ċella numru sebgħa fejn kien l-imputat. Huma kienu akkumpanjati minn uffiċjal korrettiv.

Aquilina kien qiegħed fuq is-sodda tiegħu u xħin ra lill-uffiċjali qalilhom “ma nafux x’intom tfittxu u kemm-il darba se tiġu tfittxu” filwaqt li ħareġ is-suba’ tan-nofs lill-uffiċjal li ħadlu ritratt.

Intqal ukoll li l-Pulizija spezzjonaw iċ-ċella ta’ Aquilina wara li rriżulta li priġunieri oħra ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-imputat beda jiftaħar b’dak li għamel lill-vittma f’Jannar tal-2022.

L-Ispettur Delia qalet ukoll li Aquilina kien laqa’ lill-uffiċjali bi kliem baxx u allegatament beda jsejjaħ lillu nnifsu bħala “l-antikrist”. Intqal ukoll li dan kollu nqabad ukoll minn filmati tal-bodycams tal-pulizija.

Hekk kif ġiet fi tmiemha s-seduta, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, laqgħet it-talba tad-Difiża biex l-imputat kellu jintbagħat lura l-Isptar Monte Carmeli.

Il-każ ikompli f’Ottubru.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Shaun Pawney u Wayne Camilleri.

Għall-imputat qed jidhru l-Avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u l-Prokuratur Legali Colin Galea. L-Avukati Stefano Filletti u Stephanie Caruana dehru parte civile.

Ekonomija

Sport