Friday, November 15, 2024

L-akkużat stqarr mal-pulizija li x-xitan kien qallu li wettaq 33% tal-pjan

Ikompli l-każ kontra Abner Aquilina, mixli bil-qtil u l-istupru ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Abner Aquilina ġie ffilmjat jgħid lill-pulizija li huwa qatel imbagħad stupra lil Paulina Dembska u li x-xitan kien qallu biex “joqtol aktar nies.”

Dan intqal mill-Ispettur Wayne Camilleri meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Aquilina li jinsab mixli bil-qtil u l-istupru tal-Pollakka fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema nhar it-2 ta’ Jannar li għadda.

L-Ispettur Wayne Camilleri, xehed fil-Qorti li Aquilina kien ammetta l-qtil meta kien arrestat għall-ħabta tas-6.00 a.m. b’rabta mal-kommissjoni li kien qajjem fil-Knisja tal-Balluta. 

Huwa kien ittieħed fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana fejn bodycams irreġistrawh jgħid lill-uffiċjali li x-xitan kien qallu biex jagħmel xi ħaġa u li kien wettaq biss “33% tal-pjan.”

“Dak li sar, sar. Qtilt persuna u mbagħad stuprajtha,” huwa nstema’ jgħid fil-filmat. “Ma ridtx inweġġagħha daqshekk. L-ewwel ppruvajt nattakka żewġt irġiel iżda mbagħad ħsibt aħjar persuna waħda.”

Ix-xhud kompla jgħid li meta Abner kien mistoqsi kif allegatament kien qatel lil Dembska, huwa kien għamel sinjali ta’ daqqiet ta’ ponn u bis-sieq. Madankollu huwa ma rrepetiex din l-ammissjoni waqt l-ebda waħda mis-sitt interrogazzjonijiet uffiċjali tiegħu, fil-preżenza tal-avukat tiegħu, Dr Mario Mifsud.

L-Avukat Mifsud staqsa jekk il-klijent tiegħu kinux qalulu li kien qed jiġi rrekordjat. L-Ispettur Camilleri qal li Aquilina kien infurmat bil-bodycams u saħansitra f’xi ħinijiet beda jitkellem direttament fil-cameras. 

Waqt l-interrogazzjoni uffiċjali iżda, il-pulizija xehdu li l-akkużat kien tkellem fuq “frekwenzi” u “kalamiti li jikkontrollaw moħħu” meta kien mistoqsi mill-uffiċjali jispjega dwar il-qtil u ġie anke muri ritratti tal-vittma. 

Fil-Qorti ħareġ ukoll li fi tmiem l-interrogazzjoni, l-akkużat kien qal lill-pulizija, bi tbissima sarkastika fuq wiċċu, li l-isforzi tagħhom kienu “A++. Kontu qrib” u li huwa kien “qrib li jammetti iżda ma rnexxilhomx.” 

Sadanittant, fil-Qorti xehed ukoll l-Ispettur Shawn Pawney, li semma li kien hemm rapporti oħra dwar nisa żgħażagħ li allegatament kienu ffastidjati minn Aquilina fil-passat.

L-Ispettur semma kif l-akkużat allegatament kien bagħat messaġġi lil żagħżugħa fejn indika li kien se jagħmel xi ħaġa magħha kieku ommha ma kinitx preżenti u bagħatilha ritratt tal-isperma tiegħu fuq tissue. 

Preżenti fil-Qorti jisimgħu x-xhieda kien hemm ukoll il-familjari tal-vittma. Aquilina ma kienx preżenti għal din is-seduta minħabba li ntqal li ma kienx fi stat ta’ saħħa tajba.

Ekonomija

Sport