Kriterji ġodda ħodor fl-akkwist pubbliku (public procurement) tal-gvern se jwasslu biex il-karozzi ġodda kollha taċ-ċivil se jkunu elettriċi mis-sena d-dieħla. Din hi miżura fost ħafna oħrajn fit-tieni pjan ta’ azzjoni tal-Green Public Procurement (GPP), imniedi mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Il-ministru spjega li l-GPP ser ikun qed japplika għall-ministeri, għall-aġenziji u għall-entitajiet governattivi u jippromwovi iktar prodotti u servizzi li jagħmlu l-inqas ħsara ambjentali u li jgħinu biex nindirizzaw l-isfida tat-tibdil fil-klima. Il-GPP se jkun l-għodda li bih il-gvern ikun minn ta’ quddiem biex jippromwovi prodotti u servizzi “environmentally-friendly”, u jżid il-preżenza u l-aċessibilità tagħhom fuq is-suq. “B’hekk niffaċilitaw it-tranżizzjoni ambjentali u dik ekoloġika tagħna għal ekonomija ċirkulari minn dik lineari li prattikajna fl-aħħar snin,” qal il-Ministru Farrugia.
Dan it-tieni pjan idaħħal miri ambizzjużi għal sbatax-il grupp ta’ prodotti u ta’ servizzi, li erbatax minnhom huma mandatorji. Dan ifisser li kull tender li joħroġ ser ikun josserva l-kriterji tal-GPP. Il-kriterji jilħqu l-iskop maħsub biex iniġġsu inqas l-ambjent, u huma mudellati fuq kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jieħdu in konsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi lokali.
“Hawnhekk qed nippreżentaw it-tieni strateġija tal-GPP wara li saret konsultazzjoni pubblika anke mal-industrija għaliex l-operaturi ekonomiċi jridu jipprovdu lill-gvern dawn il-prodotti u servizzi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent,” spjega l-ministru, filwaqt li żied li b’dan il-pjan, in-nefqa tal-gvern fuq dawn il-prodotti u servizzi se titla għal 90%.
Eżempju ieħor, fejn il-GPP hija għodda li tgħin lill-gvern jilħaq l-għanijiet ambjentali tiegħu, huwa x-xiri u l-kiri ta’ vetturi. Meta l-gvern jew entità tiegħu tkun trid tixtri jew tikri karozzi general use (passenger cars), it-tender se jispeċifika li l-karozzi jridu jkunu jniġssu inqas minn 50g CO2 kull km (jiġifieri jkunu elettriċi). Din il-miżura se ssir mandatorja mis-sena 2022 ’il quddiem.
“Dan il-pjan jindirizza l-akkwist pubbliku minn aspett ħolistiku biex dawn il-prodotti u servizzi li jħallu impatt inqas fuq l-ambjent ikunu aktar komuni fis-suq. Għalhekk, numru ta’ inizjattivi ġew maħsuba biex jiffaċilitaw il-proċess. Permezz ta’ dawn il-miżuri, il-gvern mhux biss se jkun ta’ eżempju għall-privat u għall-konsumatur, iżda se jkun qed jimbotta s-suq lejn prodotti u servizzi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent, għall-gwadann tal-ambjent tagħna, u għas-saħħa u għall-kwalità ta’ ħajja tal-familji tagħna. B’miżuri ambizzjużi bħal dawn, pajjiżna se jkompli miexi lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u lejn n-newtralità mill-karbonju,” qal il-ministru.