L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali organizzat ġurnata ta’ taħriġ għall-Membri Eletti, Segretarji Eżekuttivi, u ħaddiema tal-kunsilli lokali, bl-għan li jiżdied l-għarfien dwar is-sistemi mħadma ta’ reklutaġġ u l-iżvilupp tal-ħiliet sabiex ikun possibbli li wieħed ikun parti minn Board tal-Għażla waqt li jkun hemm postijiet vakanti fil-Kunsilli Lokali. L-għan ta’ dan it-taħriġ kien li l-membri tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali jkunu f’pożizzjoni aħjar li jagħżlu l-aħjar kandidati għall-postijiet vakanti u ntejbu l-ħiliet meħtieġa għal dan l-irwol.
Dan il-pass qed jitwettaq bil-għan li l-Kunsill Lokali jkun jista’ joffri servizzi aktar effettivi, sabiex jissodisfa l-aspettattivi tar-residenti, u jtejjeb il-kapaċità tal-organizzazzjoni kollha.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli, is-Sur Mario Fava semma li l-Assoċjazzjoni tibqa’ strumentali fl-appoġġ lejn is-Sindki u l-Kunsilliera fil-qadi tad-dmirijiethom, kif ukoll tipprovdi l-assistenza meħtieġa lill-amministrazzjoni sabiex l-operat tal-Kunsilli jkun wieħed aktar effettiv u effiċjenti.