L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) laqgħet il-miżuri li l-Gvern qed jieħu sabiex jissaħħu l-ispezzjonijiet kontra s-sewqan perikoluż u taħt l-influwenza tal-alkoħol u sustanzi oħra. Fi stqarrija, l-AKL qalet li dawn l-inizjattivi huma pass importanti biex jitjiebu l-istandards ta’ sigurtà fit-toroq tagħna u biex jiġu mħarsa l-ħajjiet taċ-ċittadini.
L-Assoċjazzjoni esprimiet it-twemmin sħiħ tagħha li t-toroq tagħna għandhom ikunu siguri u aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment fil-qalba tal-irħula u l-ibliet tagħna. “Huwa fundamentali li dawk ir-residenti li jagħżlu li jagħmlu l-qagħdiet tagħhom bil-mixi jingħataw prijorità.
“Miżuri bħal dawn mhux biss inaqqsu r-riskji relatati mas-sewqan irresponsabbli, iżda wkoll joħolqu ambjent aktar komdu u sikur għall-mixi, u jinkoraġġixxu aktar nies jagħmlu dan bħala mezz ta’ mobilità sostenibbli u b’saħħtu,” żiedet tgħid l-Assoċjazzjoni.
Temmet tgħid li tibqa’ kommessa li taħdem mal-awtoritajiet kollha kompetenti sabiex il-komunitajiet tagħna jgawdu minn toroq aktar siguri u minn kwalità ta’ ħajja aħjar.