Sunday, December 22, 2024

L-aktar budget b’saħħtu għas-settur tad-diżabilità, b’żieda ta’ €8 miljun fuq din is-sena

Aqra wkoll

Fil-Budget għas-sena 2022, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja qed jiġi allokat aktar minn €59 miljun, li minnhom aktar minn €50 miljun huma ddedikati għas-settur tad-diżabilità. Dan ifisser li meta mqabbel mas-sena 2021, l-allokazzjoni għas-settur tad-diżabilità se tkun qed tiżdied b’aktar minn €8 miljun. Dan hu l-aktar budget b’saħħtu li qatt kellna għas-settur tad-diżabilità. 

Hekk sostniet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha semmiet diversi inizjattivi li se jkunu qegħdin jiġu ffinanzjati mill-Budget tas-sena d-dieħla. 

Fost l-oħrajn, il-Ministru Farrugia Portelli semmiet iż-żieda ta’ €5 fl-allowance għat-tfal b’diżabilità. B’din l-inizjattiva, b’investiment ta’ nofs miljun ewro  mistennija jibbenefikaw minnha mal-1,700 familja u se twassal biex l-allowance issa titla’ għal €1,560 fis-sena, kważi id-doppju mis-sena 2013. 

Flimkien ma’ dan, se tkun qiegħda tingħata żieda fl-għotja għal carer ta’ persuni b’diżabilità. Din iż-żieda se tkun ta’ €300 biex issa se titla’ għal €500. Minn din l-għotja waħidha se jibbenefikaw 450 ġenitur. 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li dan hu budget onest, mibni madwar ir-realtajiet li qed ngħixu fihom. 

Fost dawn hemm l-iskema ġdida b’investiment ta’ €1.5 miljun biex tfal b’diżabbilta’ jibdew jieħdu occupational therapy mill-ewwel u mhux jitilfu ħin prezzjuż.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li riċerka li saret fuq medda ta’ snin bejn numru ta’ stakeholders, uriet li hemm bżonn li jkun hemm sforz kollettiv biex din l-isfida tingħeleb. 

Għaldaqstant is-sena d-dieħla, ġenituri li għandhom tfal b’diżabbilta’ li huma fl-eta’ mit-twelid sa sa ħames snin u li bħalissa qed jirċievu terapija mis-CDAU, se jkunu qed jirċievu vouchers biex it-tfal jibdew jieħdu Occupational Therapy mill-ewwel fil-privat. Fissret kif permezz ta’ din l-iskema se jkun qed jissaħħaħ l-Early Intervention ma’ tfal b’diżabilità u tkun indirizzata l-lista ta’ stennija.

Din il-miżura se tgħin ukoll lill-ġenituri li bħalissa qed imorru fil-privat u qed iħallsu mall-€35 f’kull sessjoni ta’ occupational therapy.

Fl-istess waqt fuq medda ta’ snin se jsir investiment biex aktar skejjel ikollhom autism units. Dan minbarra investiment f’magni Braille. Barra minn hekk, se tingħata assistenza lil studenti b’diżabilità biex ikomplu bl-edukazzjoni post sekondarja tagħhom. 

Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet inizjattiva oħra dik li se jkun qed jibda l-proċess biex tinbena dar ġdida oħra għal persuni b’diżabbilta’ fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Dan biex persuni b’diżabbilta’ jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fl-irħula tipiċi Maltin.

Inizjattivi oħra jinkludu dik li se jkun qiegħed jingħata ħlas għal għajnuna medika lil persuni invalidi li jgħixu mal-ġenituri, kif ukoll li se jitneħħa t-test tal-mezzi tad-dħul fl-assistenza għal diżabilità severa. 

Il-Budget għall-2022 se jara wkoll li jkun hemm eżenjonijiet jew traħħis fuq xiri ta’ vetturi għal persuni b’diżabilità, filwaqt li se tinxtara vettura ‘drive from wheelchair’. Din l-inizjattiva tinkoraġixxi ħajja indipendenti kif titlob anke l-Istrateġija Nazzjonali għall-persuni b’diżabbiltà.

F’dan ir-rigward, se jkun qed jingħata wkoll taħriġ speċjalizzat lil numru ta’ għalliema tas-sewqan biex ikunu jistgħu jħarrġu persuni f’siġġu tar-roti fis-sewqan. 

Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet ukoll kif dan il-Budget se jaħseb ukoll fiż-żgħażagħ, fosthom billi jżidilhom l-istipendji b’10%, jagħtihom iċ-ċans li jaħdmu sa 25 siegħa fil-ġimgħa mingħajr ma jitilfu l-istipendju u anke billi jsir investiment ta’ €1 miljun biex l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC fl-iskejjel rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, semmiet kif it-trasport pubbliku se jsir b’xejn għal kulħadd minn Ottubru li ġej, filwaqt li se jinħolqu spazji ta’ rikreazzjoni għal kulħadd. 

Ekonomija

Sport