Friday, December 27, 2024

L-aktar ġimgħa impenjattiva għall-ajruport

… 216,922 passiġġier se jkunu qed iħallu jew jaslu Malta matul din il-ġimgħa

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa mistennija tkun waħda impenjattiva ħafna għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif joqrob żmien il-btajjel ta’ Santa Marija. L-ajruport qed jantiċipa li se jgħaddu minnu aktar minn 33,700 passiġġier fl-aktar ġranet impenjattivi, li mistennija jkunu l-15, it-22 u d-29 ta’ Awwissu. L-aktar ġimgħa impenjattiva se tkun bejn it-12 u t-18 ta’ Awwissu, hekk kif aktar minn 216,922 passiġġier se jkunu qed iħallu jew jaslu Malta.

Sadanittant, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 951,861 passiġġier matul ix-xahar ta’ Lulju. Dan jimmarka żieda ta’ 12.2% meta kkumparat mal-għadd ta’ passiġġiera li għaddew mill-ajruport fl-istess xahar tal-2023. Dan ir-riżultat jikkonferma wkoll li Lulju 2024 kien l-aktar wieħed impenjattiv fl-istorja tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-ewwel xahar li matulu għaddew iżjed minn 900,000 passiġġier.

Apparti dan ir-riżultat pożittiv, l-ajruport esperjenza wkoll żieda ta’ 14.1% fit-traffiku tal-ajruplani, b’6,054 titjira jaslu jew iħallu Malta matul ix-xahar ta’ Lulju. Fl-aktar ġurnata impenjattiva tax-xahar, jiġifieri nhar il-Ħamis 25 ta’ Lulju, 214-il titjira waslu jew ħallew l-ajruport.

L-istess xahar esperjenza żieda ta’ 11.5% fl-ammont ta’ postijiet disponnibbli fuq it-titjiriet, b’ammont sostanzjali minn dawn, jiġifieri 89.7%, ġew okkupati, rifless taż-żieda fid-domanda għall-ivjaġġar hekk kif is-sajf beda dieħel. L-Italja żammet postha bħala l-aktar suq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif kienet responsabbli għal 25.5% tal-moviment tal-passiġġiera, segwita mir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja.

Linji gwida għall-passiġġiera

Dwar iż-żieda mistennija fit-traffiku tal-passiġġiera fil-jiem li ġejjin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħeġġeġ lill-passiġġiera biex isegwu dawn il-linji gwida:
Kun l-ajruport fil-ħin: Il-passiġġera huma mitluba jaslu l-ajruport sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq tat-titjira u mhux iżjed kmieni.

Agħmel iċ-check-in online: Il-passiġġiera li se jkunu qed isiefru ma’ linji tal-ajru li joffru ċ-check-in online, għandhom jagħmlu użu minn dan is-servizz u jniżżlu l-biljett tal-ajru diġitali fuq il-mowbajl tagħhom. Hekk ikunu jistgħu jibqgħu sejrin minnufih għaż-żona fejn isir il-monitoraġġ tas-sigurtà.

Ippakkja sew: Likwidi, gels u aerosols fil-bagalja li ġġorr miegħek fuq l-ajruplan ma għandhomx jaqbżu l-limitu ta’ 100ml u għandhom jiġu ppakkjati flimkien, f’basket tal-plastik, li jkun trasparenti. Dan ikun qed inaqqas id-dewmien waqt il-proċess tal-monitoraġġ tas-sigurtà.

Żomm ruħek infurmat: Il-passiġġiera jistgħu jżommu ruħhom aġġornati fuq id-dettalji tat-titjira tagħhom u dwar l-embarkazzjoni billi jirreferi għall-iscreens madwar l-ajruport, kif ukoll għas-sit uffiċjali tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Hekk ikunu infurmati f’każ li jkun hemm xi bidla fil-ħinijiet tat-titjira tagħhom.

Ekonomija

Sport