Saturday, December 21, 2024

L-aktar mara veloċi fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Hillclimb b’messaġġ b’saħħtu favur tfajliet fil-motorsport

Oliver Attard
Oliver Attard
Ġurnalist Sportiv / Motorsports

Aqra wkoll

Stefanie Calleja, l-aktar sewwieqa mara veloċi fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Hillclimb lokali, mart Edward Calleja, ukoll sewwieq tat-tiġrijiet fil-Lotus Elise tiegħu, u fuq kollox, omm Jessica Calleja, waħda mill-ħafna tfajliet sewwieqa żgħażagħ promettenti li bħalissa qed jitħarrġu l-karting. Stefanie dejjem kienet avukata tas-sewwieqa żgħażagħ, u forsi minħabba bintha, tiffoka fuq it-tfajliet. Hija kitbet erba’ kelmiet dwar is-settur u l-bżonn li dawn it-tfajliet isibu l-kuraġġ ikomplu jtejbu l-livell tagħhom.

Hija qalet li fl-2012, kellha l-unur, flimkien mal-kollegi tagħha tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport, li tieħu numru ta sewwieqa għal Young Drivers’ Group for a Lifetime – esperjenza għal sewwieqa żgħażagħ f’Silverstone, fir-Renju Unit.

Sena wara, tela’ grupp ieħor, u waqt preżentazzjoni ta’ premju, ħeġġet tfajliet li jridu u jistgħu jipparteċipaw fl-isport tal-karozzi, biex jersqu ‘l quddiem. Għalhekk, matul is-snin, resqu numru ta tfajliet biex jipparteċipaw fl-isport tal-karozzi li jiffurmaw parti minn diversi dixxiplini, u dan grazzi wkoll għall-familji tagħhom li appoġġjawhom.

Dan ir-ritratt ittieħed bl-intenzjoni li jiddaħħlu grupp ta’ tfajliet, l-iżgħar u l-uniċi sewwieqa nisa tal-karting f’Malta, li jikkompetu flimkien mas-subien, li huma ħafna aktar fin-numri.

Dawn ittfajliet għandhom il-perseveranza u l-aptit għal dan l-isport, li verament igawdu din l-esperjenza, minkejja l-ħafna sfidi.

Is-sewwieqa nisa li jidhru f’dan ir-ritratt huma:

It-tieni, mix-xellug, Raisa Psaila, ta’ 14-il sena, bdiet fis-simulatur għand il-World Pro Racing u kkompetiet fit-tiġrijiet. Il-ħolma tagħha hi li tibda l-karting. Ħdeja hemm Sky Camilleri, żagħżugħa ta’ 13-il sena li ilha minn Diċembru, titħarreġ kull ġimgħa bl-IAME X30 Junior kart tagħha.

Delcine Galea, 13-il sena, li ilha tikkompeti għal sentejn fl-IAME X30 Junior u ġiet magħżula għall-MMF/ FIA Young Drivers Academy Award 2022.

Jessica Calleja, li għandha għaxar snin, u li qiegħda fit-tieni sena kompetittiva tagħha. Fl-2022 hija spiċċar fit-3 post fil-kampjonat tal-karting fil-Kategorija Rotax Mini Micro. Din is-sena, Calleja bdiet tikkompeti fil-klassi Gr3 Mini u issa tinsab fuq Rotax Mini u qed tipparteċipa fit-tiġrijiet ta’ Kartsport l’Italia f’kategorija Gr3 Mini.

Kimaya Mifsud, ta’ għaxar snin, tinsab ukoll fit-2 sena kompettiva tagħha, is-sena l-oħra saqet fir-Rotax Mini Micro, u din is-sena, qed tipparteċipa fil-kategorija Rotax Mini.

L-iżgħar sewwieqa, Amy Stivala, ta’ seba’ snin, bdiet tikkompeti din is-sena fl-Entry Level 60cc LKE.

Sewwieqa tfajla promittenti oħra li ma setgħetx tkun f’dan ir-ritratt hija Ella Zammit, żagħżugħa ta’ 18-il sena, bi storja ta’ tlielaq bir-roti BMX, u dawn għal-aħħar 3 snin fil-karting. Din is-sena qed tiffoka fuq it-tiġrijiet Kartsport, fl-Italja.

Ekonomija

Sport