Monday, April 21, 2025

L-aktar mument speċjali kien żgur l-aħħar partita … irnexxielna ndawru s-sitwazzjoni u salvajna fl-aħħar ġurnata – Cain Cutajar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn missieri, hu kien plejer ukoll, għalhekk il-logħba dejjem kienet parti kbira minn ħajjitna. Konna naraw il-logħbiet ta’ Manchester United flimkien, u dawk il-mumenti verament qajmu fija l-passjoni għall-isport. Għalija l-futbol sar aktar minn sempliċement logħba.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mtarfa FC.

Ingħaqadt ma’ Mtarfa FC f’Jannar li għadda u minn dakinhar lgħabt f’kull partita, sal-aħħar waħda tal-istaġun. Fuq livell personali kienet esperjenza siewja għalija. Il-bidu ma kienx faċli, ir-riżultati ma kinux qed jiġu kif xtaqna u kienet sitwazzjoni diffiċli għal kulħadd. Madankollu, bqajna naħdmu bla waqfien, żammejna l-għaqda bejnietna bħala tim, u ftit ftit bdejna naraw il-bidla.

L-aktar mument speċjali kien żgur l-aħħar partita … irnexxielna ndawru s-sitwazzjoni u salvajna fl-aħħar ġurnata. Kien mument ta’ ferħ kbir għalina kollha. Wara kollox li għaddejna minnu matul l-istaġun, kien ta’ sodisfazzjon enormi li rnexxielna nilħqu dan l-għan u ntemmu l-istaġun b’nota pożittiva. 

X’tilkkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-attitudni tat-tim kienet waħda li qatt ma taqta’ qalba. Kien proprju dan l-ispirtu li wassalna biex niksbu dak li ksibna. Mingħajr dik id-determinazzjoni u r-rieda li nibqgħu niġġieldu sal-aħħar, ma konniex naslu fejn wasalna.

Konna grupp mill-aqwa, mhux biss plejers imma ħbieb, u maż-żmien saru familja għalija. Il-fatt li konna magħqudin u appoġġjajna lil xulxin f’kull mument għamilna aktar b’saħħitna bħala tim, u l-frott ta’ dan rajnieh fit-tmiem tal-istaġun.

Dan kollu rnexxielna nagħmluh ukoll grazzi għall-kowċ tagħna Rodney Bugeja. Huwa dejjem emmen fina u mexxiena b’passjoni, dixxiplina u viżjoni ċara. Kien is-sinsla wara t-tim, u kellu impatt kbir kemm fuq il-livell tagħna bħala plejers kif ukoll fuq l-għaqda tagħna bħala grupp.

Kif tqis il livell tal futbol Malti fil preżent? U dak tal grawnds fejn tilaghbu l loghob kompetittiv taghkom?

Naħseb li l-livell tal-futbol Malti għaddej minn fażi ta’ transizzjoni. Qed naraw aktar investiment fit-taħriġ u fil-kowċing, u hemm plejers li qed jippruvaw jieħdu l-logħba tagħhom għal livell ogħla. Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir, speċjalment biex inkunu kompetittivi fuq livell Ewropew. Ir-riżultati kultant juru titjib, imma l-konsistenza għadha nieqsa.

Fir-rigward tal-grawnds fejn nilagħbu l-logħob kompetittiv, hemm grawnds tajbin bħat-Ta’ Qali li huma adattati għal-logħob importanti, imma ħafna mill-grawnds l-oħra għandhom bżonn titjib, kemm fir-rigward tal-wiċċ tal-pitch kif ukoll tal-faċilitajiet għall-plejers u l-partitarji. Jiġifieri, hemm potenzjal, imma trid issir iktar ħidma fuq l-infrastruttura biex nilħqu l-istandards li nixtiequ.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’mod pożittiv. Se nibqa’ naħdem ħafna, speċjalment fuq il-kundizzjoni fiżika tiegħi, biex inkompli ntejjeb u nieħu l-logħba tiegħi għal livell ogħla. Għandi għanijiet ċari u se nagħti kollox biex nasal fejn nixtieq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport