Tuesday, April 1, 2025

L-aljenazzjoni soċjali riżultat tal-eċċessività

Konsegwenza b’saħħitha tal-logħob tal-azzard eċċessiv

Aqra wkoll

KAYNE SAID – Maniġer għal Komunikazzjoni
[email protected]

Il-logħob tal-azzard problematiku hu sfida serja li tista’ tħalli effetti de­vas­tanti fuq il-persuna u dawk ta’ madwarha. Waħda mill-konsegwenzi l-aktar komuni u ta’ impatt b’saħħtu hi l-aljenazz­joni soċjali. Meta persuna ssir dipendenti fuq il-logħob tal-azzard, is-soċjetà tibda titbiegħed minnha, jew inkella tkun hi stess li tinqata’ għal kollox, jew minħabba sens ta’ mistħija jew minħabba l-effetti negattivi li l-vizzju jġib miegħu.

L-ewwel u l-aktar impatt immedjat jidher fil-qasam tal-familja. Il-logħob tal-azzard eċċessiv jista’ jwassal għal problemi finanzjarji ser­ji, inkluż dejn kbir, telf ta’ propjetà u anke falliment ekonomiku. Dawn il-proble­mi joħolqu tensjoni u kunflitti mal-membri tal-familja, speċjalment jekk il-persuna tibda tigdeb jew taħbi d-diffikultajiet tagħha. Jista’ jkun hemm każijiet fejn il-koppja tidħol f’argumenti kontinwi, jew saħansitra separazzjoni u divorzju. It-tfal ta’ dawk li jbatu mill-problema tal-logħob tal-azzard jistgħu jħossuhom mitlufa, anke abbandunati emozzjonalment.

Il-ġenitur dipendenti fuq il-logħob tal-azzard jista’ jit­lef il-konnessjoni mal-ulied tiegħu minħabba nuqqas ta’ attenzjoni, preokkupazzjoni kontinwa bil-flus, u anke nuqqas ta’ stabbiltà fid-dar.

Il-problemi finanzjarji u l-imġiba ossessiva tal-logħob tal-azzard ħafna drabi jwass­lu biex il-persuna titlef l-appoġġ tal-ħbieb. Ħafna drabi, persuni b’din il-problema jissellfu l-flus jew jagħmlu wegħdiet foloz biex ikomplu l-vizzju tagħhom, u dan iwassal għal nuqqas ta’ fiduċja u eventwalment għall-irtirar mis-soċjetà.

Anke f’ambjent tax-xogħol, individwu li jkun qed jitħabat bil-problemi tal-logħob tal-azzard jista’ jkollu telf ta’ konċentrazzjoni, assen­teiżmu jew saħansitra jkollu problemi ta’ dixxiplina, li jistgħu jwasslu għal tkeċċija. Dan ikompli jikkontribwixxi għall-izolazzjoni u jagħmilha aktar diffiċli għall-persuna li terġa’ lura għal ħajja normali.

Minbarra l-impatt fuq ir-relazzjonijiet u s-soċjetà, l-aljenazzjoni tista’ taffettwa b’mod serju wkoll is-saħħa mentali tal-persuna. Ħafna individwi li jesperjenzaw il-logħob tal-azzard problema­tiku jibdew iħossu sens ta’ solitudni, dipressjoni, u ansjetà estrema.

Xi drabi, dawn is-sentimenti jwasslu għal abbuż ta’ sustanzi jew saħansitra ħsibijiet suwiċidali.

L-aljenazzjoni bħala ri­żul­tat tal-logħob tal-azzard problematiku hija problema serja li tolqot l-aspetti kollha tal-ħajja ta’ individwu.
L-aħjar mod biex jiġu evitati dawn il-konsegwenzi huwa permezz ta’ għarfien, prevenzjoni, u appoġġ adegwat kemm mill-familja kif ukoll minn professjonisti tas-saħħa mentali.

Is-sapport hu essenzjali biex persuna terġa’ ssib it-triq lura lejn ħajja bilanċjata u mingħajr dipendenza fuq il-logħob tal-azzard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport