Saturday, December 21, 2024

“L-alkoħol kissirni … Tajtu ġidi kollu saħansitra l-familja u l-ħbieb”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

15-il sena minn l-aħħar darba li xorbot tgħid li saret tapprezza l-affarijiet sempliċi tal-ħajja u tħobb lilha nnfisha

Miktub Minn MARIA AZZOPARDI

Valerie (isem fittizju għal raġuni ta’ anonimità) qalet lil dan is-sit li l-alkoħol kissirha, farrakha u saħansitra spiċċat tat il-ġid kollu tagħha, fosthom il-familja u l-ħbieb. Minn mindu kienet żgħira, kienet bdiet tixrob biex tibdel kif kienet tħossha, biex ittaffi l-uġigħ u tħossha parti mill-ħajja. Hija tistqarr li l-kapaċità li tixrob u tgawdi bħal ħaddiehor, ċioe li tieħu xi xorb mal-ikel jew meta toħroġ, qatt ma kien hemm.

“Kont nibqa’ nixrob sakemm nitlef ir-raġuni u nħossni ‘ta’ barra minn hawn’. Ftit, ftit aktar beda dieħel f’ħajti bħal donnu bastun biex inħossni aktar b’saħħti. Ma kontx naf kif naqsam x’jien inħoss ma’ ħaddiehor u nieħu parir. Kelli bosta skużi biex nixrob. Nixrob għax irrid niċċelebra, nixrob għax imdejqa, nixrob għax nistħi immur man-nies. Il-lista kienet infinita. Qatt ma kien biżżejjed,” qalet Valerie.

Hija żiedet tgħid li kienet tħossha bħal ħuta barra mill-ilma. “Meta nħares madwari n-nies qishom għandhom iċ-ċavetta tal-ħajja u jien le. Hawn soluzzjoni jew se jibqa’ dejjem hekk? Ħajja bla sugu. Li nagħmel qatt mhu biżżejjed u dejjem inħossni inqas mill-oħrajn. Ftit ftit, l-alkohol rikibni. Tajtu l-kontroll totali. Ma kontx naf li l-ħsibijiet ta’ rasi kienu foloz, kont nemminhom li jien falluta fil-ħajja,” qalet Valerie.

Hija tirrakkonta li kienet mara tal-iskola, kellha xogħol li tħobb u familja iżda kull perjodu ta’ waqfien kien jitfaha għal perjodu fejn kienet tixrob bla kontrol.

“Imbagħad wasalt f’punt fejn ma stajtx inkompli u kont umiljata biżżejjed biex insaqsi għall-għajnuna u din sibtha fil-grupp tal-Alkoholici Anonimi. Ġejt milqugħa ħafna mill-membri u qaluli li din hija marda tal-moħħ, allerġija tal-ġisem li ladarba nieħu grokk m’għandiex kontrol biex nieqaf meta irrid jien, u vojt etern spiritwali. Tgħallimt li miniex wahdi u hemm soluzzjoni jekk irrid nibda ngħix u jkolli l-paċi u l-kuntentizza ġo hajti.”

Valerie tgħid li llum il-ġurnata kapaċi tapprezza l-affarijiet sempliċi tal-ħajja, tħobb lill-proxxmu u lilha nnfisha u tipprova tagħmel il-ġid. Tistqar li llum li għaddew madwar 15-il sena mill-aħħar darba li xorbot, kapaċi toħroġ u tieħu pjaċir mingħajr alkoħol u saħansitra għadha tmur il-laqgħat tal-Alkoħoliċi Anonimi biex tiftakar minn fejn ġiet, taqsam l-esperjenza tagħha ma’ min għadu qed jikkumbatti ma’ dan il-vizzju filwaqt li tkompli tissaħħaħ hija stess. Valerie temmet tgħid li tassew hija grata li jeżistu dawn it-tip ta’ gruppi madwar id-dinja filwaqt li appellat lil kull min għandu problema bix-xorb biex ma jaħsibx li huwa waħdu u li hawn l-għajnuna.

Għal kull min għandu bżonn l-għajnuna jista’ juża l-helpline tal-AA Malta li huwa 79239264 u email [email protected] u web-site www.aamalta.org.mt 

Ekonomija

Sport