Saturday, October 18, 2025

L-alleati tal-Ukrajna jwiegħdu iktar għajnuna

Aqra wkoll

L-alleati tal-Ukrajna wiegħdu li se jibagħtu iktar armi biex jgħinu fid-difiża tal-pajjiż kontra l-invażjoni Russa. L-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn wiegħdu li se jkunu qed jibagħtu artillerija, u sistemi ta’ difiża kontra t-tankijiet u tal-ajru. 

Hekk kif ir-Russja qiegħda tipprepara għal offensiva militari oħra fil-Lvant tal-Ukrajna, Kiev qalet li għandha bżonn ħafna iktar armi biex tkun tista’ tilqa’ għall-qilla Russa. Il-mexxej Ukren Volodymyr Zelensky qal li pajjiżu għandu bżonn l-għajnuna hekk kif ir-Russja bdiet dik li hu sejjaħ bħala “l-battalja għad-Donbas”. F’dawn l-aħħar jiem ir-Russja bdiet tikkonċentra ħafna l-isforzi tagħha fil-Lvant tad-Donbas fejn hemm ir-reġjuni ta’ Luhansk u Donetsk. Skont l-Ukreni, il-forzi Russi ilhom minn nhar it-Tnejn iwettqu attakki f’din iż-żona li hija twila 300 mil. Kien fid-dawl ta’ dawn l-attakki li l-mexxejja tal-Punent iltaqgħu biex jiddiskutu dwar iktar assistenza militari għall-Ukrajna. 

Wara din il-laqgħa, id-dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti qal li għadd ta’ ajruplani se jkunu qed jintbagħtu lejn l-Ukrajna biex titkabbar il-flotta tal-ajruplani, u apparti hekk se jkunu qed jintbagħtu wkoll numru ta’ parts tal-ajruplani biex isiru t-tiswijiet meħtieġa. Id-dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti speċifika li huma mhux qed jibagħtu l-ajruplani militari direttament lejn Kiev, iżda jagħtuhom lil pajjiżi oħrajn u mbagħad dawn jgħadduhom lejn l-Ukrajna. L-uffiċjali Amerikani ma speċifikawx lejn liema pajjiżi se jintbagħtu dawn l-ajruplani. 

Apparti l-Istati Uniti hemm numru ta’ pajjiżi li wkoll offrew li jagħtu l-assistenza tagħhom. Ir-Renju Unit qal li se jkun qiegħed jipprovdi iktar artillterija, filwaqt li l-Ġermanja qalet li se tipprovdi l-finanzi lill-Ukrajna biex din imbagħad tkun tista’ tixtri armi ta’ kontra t-tankijiet u munizzjon minn manifatturi Ġermaniżi. Apparti hekk, ir-Repubblika Ċeka qalet li hija se tkun qiegħda tagħmel it-tiswijiet fuq it-tankijiet u vetturi armati li jkunu ġarrbu ħsarat fil-kunflitt. 

Sport