Raġel li allegatament safa maħtuf u msawwat minn uffiċjali tal-pulizija f’Settembru li għadda ddikjara fil-Qorti li kienu erbgħa, mhux tlieta, l-uffiċjali li aggredewh.
Dan ħareġ hekk kif quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni konra Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena mill-Floriana, Jurgen Falzon ta’ 24 sena minn Santa Venera u Luca Brincat ta’ 20 sena minn Ħal Qormi.
Dawn it-tliet uffiċjali tal-pulizija, li bħalissa jinsabu sospiżi minn xogħolhom, qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi li ħatfu persuni barranin u sawtuhom f’post imwarrab f’Ħal Qormi.
Fuq il-pedana tax-xhieda, Abduwili Ahmed Ali rrakkonta kif huwa allegatament safa aggredit mill-uffiċjali. “Dak il-lejl mort f’ħanut il-Marsa u tlabt xi flus, muniti. Kont fis-sakra.” Qal li kien kisser waħda mit-twieqi tal-ħanut bi żball u s-sid qal li kien se jċempel lill-pulizija.
Qal li l-pulizija waslu fuq il-post u li huwa kien ittieħed l-Għassa, fejn ingħata xi karti biex jiffirmahom, qabel ma qalulu li kien se jirċievi notifika dwar meta se jkollu jidher fil-Qorti.
“L-uffiċjali li kienu barra qaluli ‘Jekk narawk il-Marsa, insawtuk’”, żied jgħid ix-xhud filwaqt li spjega li dakinhar huwa mar jorqod fi ġnien fil-Marsa. Qal li tliet kwarti wara, raġel ta’ karnaġġjon skur kien involut f’każ ieħor ta’ aggressjoni fuq mara f’dik iż-żona. “L-istess pulizija ġew fuq il-post,” filwaqt li indika għall-akkużati.
“Huma għarfuni u bdew jgħidu ‘dak hu, dak hu’ filwaqt li sawtuni u wara mmanettjawni,” allega x-xhud. Ali qali l-uffiċjali ħaduh fi ġnien ieħor u hemm allegatament reġgħu sawtuh waqt li kien għadu mmanettjat.
Ix-xhud qal li ma jiftakarx bl-eżatt fejn seħħet l-aggressjoni, iżda ddeskriva l-post bħala li ma kienx ‘l bogħod minn Ħal Qormi u mhux qrib id-djar. “Huma kienu waqqfu l-karozza, ħarġuni ‘l barra u bdew isawtuni. Kien hemm ieħor magħhom, kienu erbgħa b’kollox il-pulizija,” insista x-xhud.
Qal li wara li l-allegati aggresuri telqu minn fuq il-post, waqt li kien miexi lura, huwa ra karozza oħra tal-pulizija. Huwa eventwalment ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn uffiċjal tal-pulizija mara qal li kienet iddeskrivietu bħala “miġnun”. “Jiena kont għedt lit-tabib li minix miġnun.”
Ix-xhud sostna li għalkemm l-uffiċjali allegatament tawh bis-sieq f’rasu, ma kienx mar jagħmel rapport dwar l-inċident. “Ġurnata oħra, meta kont il-Marsa, pulizija tas-CID ġew ikellmuni u għedtilhom x’kien ġara,” tenna Ali.
Mistoqsi dwar min kien ir-raba’ uffiċjal, ix-xhud qal li kien raġel u li huwa jaf lill-pulizija kollha stazzjonati l-Għassa tal-Ħamrun. Qal ukoll li waqt l-allegata aggressjoni, dan il-persuna kien qal lill-kollegi tiegħu biex jitfu l-cameras u ma jmorrux l-Għassa. Żied li huwa ma marx jagħmel rapport l-għassa għax ħaseb li ma kienx se jiġi emmnut.
Xhud ieħor kien il-psikjatra Joe Cassar li nħatar biex jeżamina l-istat mentali tal-allegat vittma Abduwili Ahmed Ali mis-Somalja. Ix-xhud spjega li meta Ali jixrob l-alkoħol, ikollu t-tendenza li jsiru psikotiku u vjolenti. “Meta ma jiħux droga jew alkoħol ikun tajjeb, iżda mhux qed iżomm mal-appuntamenti tiegħu fil-klinika tas-saħħa mentali,” kompla jgħid ix-xhud. Intqal ukoll li Ali ma kienx kapaċi jiftakar id-data preċiża ta’ meta seħħ l-inċident, iżda kien irrakkonta x’kien ġralu fid-dettall.
Il-każ ikompli aktar tard dan ix-xahar.
Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Omar Zammit megħjuna mill-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Veronique Dalli qed tidher għal Rica Mifsud Grech. L-Avukat Edmond Cuschieri qed jidher għal Jurgen Falzon mentri l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jassistu lil Luca Brincat.