Quddiem l-ammont ta’ dikjarazzjonijiet li qed isiru fuq is-siti soċjali u anke rapporti li dehru f’sezzjonijiet tal-midja – mhux il-midja tal-GWU, il-Pulizija iċċarat li għandha ma daħlu ebda rapporti. Ir-rapporti li għalihom irreferew il-Pulizija huma rapporti f’sezzjonijiet tal-midja li allegaw fastidju sesswali mis-suspettat aggressur li kien qed jgħin lill-Pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Paulina Dembska, liema qtil seħħ nhar il-Ħadd kmieni filgħodu.
L-Ispettur Shawn Pawney mill-Iskwadra tal-Omiċidji fil-Korp tal-Pulizija f’dikjarazzjoni li ħareġ b’rabta ma’ rapporti li allegatament is-suspettat aggressur ffastidja nisa oħra permezz ta’ messaġġi fuq l-internet, sejjaħ biex min għandu xi informazzjoni jgħaddiha lill-Pulizija b’mod kunfidenzjali.
Ir-rapporti saħansitra jsemmu aġir ta’ tħassib li deher fuq l-internet sa jumejn qabel Dembska nstabet mejta fi ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.
Ir-rapporti juru messaġġi allegatament mibgħuta mis-suspettat aggressur lil tfajliet anki żgħar, li għandhom anki 14-il sena u li allegatament kien jistedinhom biex ikollu x’jaqsam magħhom.
Messaġġi ppubblikati juru, x’kien iwieġeb is-suspettat aggressur meta t-tfajliet injorawh jew ma komplewx miegħu.
L-Ispettur Pawney waqt li jgħid li dawn ir-rapporti huma ta’ tħassib u li għandhom jittieħdu bis-serjetà u kien għalhekk li sejjaħ biex dawn i-persuni jersqu ‘l quddiem u jagħtu l-informazzjoni lill-Pulizija.