Saturday, November 16, 2024

Malta se tieħu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-Parkinson’s World Table Tennis World Championships

Aqra wkoll

Waqt konferenza stampa ġewwa l-Marina Hotel Corinthia Beach Resort San Ġiljan, il-Head Coach tal-Alpha Table Tennis Klabb Katia Mifsud ħabbret il-parteċipazzjoni ta’ Malta fir-raba’ edizzjoni tal-Parkinson’s World Table Tennis World Championships li ser issir Wels, l-Awstrija, bejn il-25 u t-30 ta’ Settembru 2023.

Katia Mifsud fissret is-sodisfazzjon tal-klabb li t-table tennis qiegħed iservi sabiex jgħin persuni bil-parkinson ikunu inklużi fis-soċjetà u fl-istess waqt iħossuhom aħjar fiżikament u mentalment, filwaqt li raddet ħajr lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat bħala sponsor ewlieni, kif ukoll lill-Malta Table Tennis Association u individwi oħrajn għall-assistenza finanzjarja tagħhom.

Mifsud stqarret li Malta ser tkun wieħed minn 25 pajjiż parteċipi għat-tieni darba f’dawn il-kampjonati dinjija wara s-suċċess miksub is-sena l-oħra minn Adrian Casha bir-rebħ tal-midalja tad-deheb fil-kategorija men’s doubles ma’ Marjan Vitanc minn Slovenja.

Minbarra d-difiża tar-rebħ tat-titlu mondjali mal-istess Vitanc, Mifsud ħabbret li Adrian Casha ser ikun qiegħed jipparteċipa wkoll fil-kategorija singles, kif ukoll fil-mixed doubles ma’ Anna Tabone.  Minbarra s-singles event fl-ewwel parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-kampjonati, Tabone ser tkun ukoll qiegħda tieħu sehem fil-kategorija tal-mixed doubles ma’ Ewa Kerntopf mill-Polonja.

Fl-interventi tagħhom, Anna Tabone stqarret kemm it-table tennis qiegħed jimliha b’enerġija pożittiva sabiex tkun tista’ tiffaċċja l-isfidi tal-ħajja b’mod effettiv, filwaqt li Adrian Casha fisser kif l-identità li tah l-isport matul ħajtu u issa l-identità li qiegħda tagħtih il-parkinson, wassluh sabiex huwa japprezza aktar il-ħajja, jgħixha b’mod sħiħ, u jkun ta’ servizz għal ħaddieħor.

Preżenti wkoll għal din il-konferenza stampa kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Kevin Azzopardi, li fisser l-appoġġ sħiħ lejn il-parteċipazzjoni ta’ Adrian Casha u Anna Tabone bħala turija ta’ twemmin sħiħ fil-qawwa tal-isport li jgħaqqad lin-nies u jgħinhom jgħixu ħajja aħjar.

Fl-indirizz tagħha, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u l-Volontarjat l-Onorevoli Graziella Galea faħħret l-impenn taż-żewġ atleti Maltin li bid-determinazzjoni tagħhom qegħdin ikunu ta’ ispirazzjoni għal persuni oħra b’din il-kundizzjoni.

Fid-diskors tal-għeluq f’din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fissret il-parteċipazzjoni f’dawn il-kampjonati bħala ċelebrazzjoni ta’ reżiljenza u kuraġġ, fejn sfida tissarraf f’opportunità.

Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jagħti s-sostenn meħtieġ lil min jgħix bil-Parkinson jew kundizzjoni oħra, sabiex ħadd ma jħossu maqtugħ jew imwarrab, anzi jkun imħeġġeġ jidħol għal sfidi u attivitajiet li fihom tispikka l-ħila tiegħu jew tagħha.

Ekonomija

Sport