Għada t-Tnejn, 20 ta’ Jannar 2025, se ssir iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni ta’ Donald Trump bħala s-47 President tal-Istati Uniti fil-US Capitol f’Washington DC. Trump, li ġie elett għat-tieni darba f’elezzjoni presidenzjali f’Novembru li għadda, se jieħu l-ġurament tal-ħatra biex ikun fit-tmun tas-superpotenza Amerikana, pajjiż li ma’ Malta għandu relazzjonijiet bilaterali, hekk kif ikkonfermat l-Ambaxxata Amerikana f’Malta, diġà tajbin.
F’kumment li ta lil dan il-ġurnal iċ-Chargè d’Affaires tal-Ambaxxata Amerikana f’Malta, Ken Toko, qal li, “l-Istati Uniti u Malta jgawdu minn relazzjonijiet bilaterali eċċellenti u bħala żewġ nazzjonijiet demokratiċi, se jkomplu jaħdmu viċin ta’ xulxin għall-avvanz tal-paċi u l-prosperità fir-reġjun tal-Mediterran u lil hinn”.
Toko aċċerta li fix-xhur li ġejjin l-amministrazzjoni l-ġdida, jiġifieri dik ta’ Trump, se tindirizza l-prijoritajiet nazzjonali u internazzjonali tagħha. Huwa temm li, “u l-Ambaxxata Amerikana tħares ‘il quddiem biex taħdem mal-Gvern Malti ħalli tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi u l-avvanz ta’ kwistonijiet ta’ interess komuni”.