Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna, meta kont immur il-grawnd nara lil missieri jilgħab l- Gozo Stadium. Trabbejt miegħu niġru ġol-grawnds u mmur miegħu għat-taħriġ, nosserva, nitgħallem u nesperimenta u hekk bdiet tikber fija l-passjoni għal din il-logħba sabiħa.
Missieri hu l-idolu tiegħi f’dan l-isport, u minn dejjem ħadt ispirazzjoni minnu mhux biss fil-mod kif jilgħab, iżda wkoll fil-valuri li l-logħba tgħallimna. Il-football għallimni kif inġib ruħi, kif nirrispetta lill-oħrajn, u l-importanza tad-dixxiplina u l-attitudni tajba.
Ta’ sitt snin, ingħaqadt man-nursery tal-Oratory Youths u ta’ 21 sena, irbaħt diversi unuri mat-tim ta’ Victoria Hotspurs. Kelli esperjenzi oħra sbieħ ħafna ma’ Melita, Kercem Ajax, Nadur Youngsters u Xewkija Tigers fejn tgħallimt ħafna u s-sena l-oħra rritornajt mat-tim ta’ Kercem Ajax li għandu post speċjali f’qalbi.
Iddeskrivi l esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kercem Ajax FC.
Qed naħdmu bħala grupp magħqud ħafna kważi qisna familja, kemm gol grawnd kif ukoll barra. Is-sena l-oħra kellna staġun mill-aqwa: irbaħna kull logħba fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni , ġejna promossi u konna wkoll rebbieħa ta’ tliet Tazzi lokali. Barra minn hekk, nemmen li nilagħbu football attraenti u dinamiku u bl-għajnuna tal-kowċ Danijel Bogdanovic, il-coaching staff u l-kumitat nistgħu nkomplu nibnu fuq is-suċċessi li ksibna s-sena l-oħra.
Kif qed tħarsu lejn dan l-istaġun, hekk kif għadna fil-bidu tiegħu?
L-ambizzjonijiet tagħna huma ċari … irridu nkunu fost dawk li jiġġieldu fl-ogħla livelli tal-futbol lokali. Il klabb investa fi plejers barranin ta’ kwalitá u plejers lokali ta’ livell. L-approċċ tagħna huwa li nieħdu kull logħba waħda waħda, b’umiltà u determinazzjoni, u nirrispettaw kull avversarju li niffaċċjaw. Nemmen li din is-sena, aktar minn qatt qabel, kull tim għandu l-kapaċità jtelliflek il-punti għalhekk kull logħba hija kruċjali, irrispettivament min hu l-avversarju.”
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Dan se jkun il-15-il staġun tiegħi nilgħab ġewwa Għawdex. Matul dawn is-snin, kelli l-opportunità nilgħab ma’ diversi timijiet u rajt evoluzzjoni sħiħa fil-mod kif it-timijiet Għawdxin bdew iħarsu lejn il-football. Illum, hemm aktar professjonalità, preparazzjoni teknika aħjar, u strutturi organizzattivi li qed jagħmlu differenza reali.
Nemmen li biex tilħaq u żżomm livell għoli, trid tkun kapaċi tadatta mal-logħba kif qed tinbidel. Il-futbol Għawdxi llum jinsab f’livell ferm ogħla milli kien snin ilu, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ taħriġ, preparazzjoni u atteġġjament minn naħa tal-plejers.
Madanakollu, nemmen ukoll li kemm l-Assoċjazzjoni kif ukoll il-klabbs għandhom jibqgħu jiftakru li wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħhom għandu jkun li jrawmu u jinkoraġġixxu t-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin. Jeħtieġ li jsir dak kollu possibbli biex jingħata ċans u spazju massimu lil plejers lokali li għandhom talent għax nemmen li huma ghandom ic-cavetta tal-futur tal-football fuq din il-gżira.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
It-tim li nilgħab miegħu, Kercem Ajax FC, fortunatament għandu wieħed mill-aqwa riżorsi f’din il-gżira. Il-president flimkien mal-kumitat irnexxielhom, permezz ta’ struttura tajba u viżjoni ċara, jinvestu f’faċilitajiet ta’ livell għoli. Illum nittrenjaw kuljum ġo pitch ta’ 11-a-side, għandna gym mal-grawnd u wkoll kliniċi fejn niġu pprovduti b’fiżjo-terapisti u masseurs biex jieħdu ħsiebna. Rigward il-logħob kompetittiv, nemmen li l-Gozo Stadium huwa pitch tajjeb bil-ħaxix naturali tiegħu. Madankollu, b’mod ġenerali, hemm bżonn ta’ aktar investiment f’pitches ta’ 11-a-side f’Għawdex għax dawn huma limitati ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Issa li għandi 29 sena, l-akbar ambizzjoni tiegħi fil-futur qrib hi li nilgħab l-aktar minuti possibbli u nkompli niġġieled għall-unuri. Fil-futbol nemmen li diffiċli tippjana fit-tul, għax l-affarijiet jistgħu jinbidlu minn lejl għal nhar. Għalhekk, nipprova nimxi ġurnata b’ġurnata, nagħmel ħilti kollha, nagħti l-massimu tiegħi kuljum u niġġieled għal post stabbli fit-team tagħna. Billi tagħmel l-eżerċizzji neċessarji u ssegwi dieta tajba, tista’ tevita ħafna injuries u b’hekk nimmassimizza ċ-ċansijiet tiegħi li nkun f’karriera twila u nkompli nilgħab ma’ timijiet ta’ livell għoli.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol ma jagħtik xejn faċli – jeħtieġ dixxiplina, sagrifiċċju u passjoni ta’ kuljum. Hemm ħafna sfidi u drabi meta l-affarijiet ma jkunux ward u żahar, iżda jekk tibqa’ temmen fik innifsek, taħdem bla waqfien u qatt ma taqta’ qalbek, it-talent tiegħek joħroġ u l-opportunitajiet jaslu. Għix ġurnata b’ġurnata, ibqa’ reżiljenti, determinat u fl-aħħar mil-aħħar, għix il-mument!