Ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li l-qasam tal-ambjent huwa fost l-aktar suġġetti mitħaddta f’pajjiżna. Jista’ jkun li mhux diskuss fl-intier tiegħu, bħalma jista’ jkun ukoll li mhux kull diskussjoni dwaru tkun ġenwina. Imma jibqa’ l-fatt, u nemmen bis-sħiħ li dan huwa tajjeb, li l-ambjent jingħata l-importanza li tixraqlu. X’aktarx li l-aktar li nassoċjaw l-ambjent huwa ma’ spazji miftuħa, kampanja, baħar, arja, kostruzzjoni, fost affarijiet oħra. L-inizjattivi li ħa l-Gvern riċentement, il-proġett tal-White Rocks u issa dak tal-jiem li għaddew, il-Fortizza ta’ Selmun (Forti Campbell) qanqlu aktar interess. Ma’ dawn hemm il-kwistjoni ta’ Manoel Island li oriġinarjament kienet ingħatat biex fuqha jsir balla bini ieħor u li issa jidher li waslet biex tingħata lura lill-poplu.
Bejniethom dawn it-tliet proġetti joffru meded kbar ta’ art, almenu bil-kejl ta’ xibirna. Il-Prim Ministru, il-Gvern, ħabbar li dawn se jinbidlu f’parks nazzjonali. Xi ħaġa li hawn għatx għaliha. Wasla sa Ta’ Qali fi tmiem mil-ġimgħa u f’temp favorevoli jikkonferma aktar minn hekk. Il-kampanja, safejn hija aċċessibbli, ukoll tikkonferma dan. Tieħu gost tara familji jirrilassaw fi spazji bħal dawn.
Ovvjament, l-aktar importanti hu mhux it-tħabbir tal-proġett, imma t-twettiq tiegħu. Tliet proġetti kbar li jiswew lill-pajjiż il-miljuni. Nefqa ġustifikata għall-aħħar, aktar u aktar meta l-ekonomija tal-pajjiż tippermettih. Ngħid għalija ninsab konvint mid-determinazzjoni tal-Prim Ministru li jwassal dawn il-proġetti. Anke jekk diġà hawn min qed jipprova jnissel id-dubji.
Min-naħa l-oħra lanqas għandha titħalla għaddejja l-impressjoni li hemm min qed jipprova jpinġi. Dik li bħal donnu l-Gvern ISSA beda joħlom fuq l-ambjent. Għax bħal donnu hawn min qed jipprova jnessi proġetti kbar li saru favur l-ambjent. Bħal donnu l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa ma kienx proġett kbir favur l-ambjent. Lanqas tgħoddhom il-wegħdi li GĦANDU JITFAKKAR li saru dwar l-għeluq ta’ din il-Power Station. Donnu li hawn min irid inessi l-martirju, il-mard respiratorju li kienu esposti għalih ir-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, skont ‘il fejn kien ikun qed jonfoħ ir-riħ. Bħal donnu hawn min irid inessi li kien hemm żmien meta Prim Ministru u Ministri bdew saħansitra jippruvaw inisslu d-dubju jekk it-trab iswed fil-btieħi u fuq il-bjut ta’ residenzi l-Fgura, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Tal-Pietà u villaġġi oħrajn taħt ġwejnaħ il-Power Station tal-Marsa kienx nugrufun li kien ġej minnha jew le. Saħansitra kien hemm minnhom li anke pprovaw jgħidu li dak li kien qed jingħad kienet perċezzjoni u mhux realtà. Niftakar qisu lbieraħ Membru Parlamentari min-naħa tal-Gvern ta’ allura, Gvern Nazzjonalista, iqum fil-Parlament u joffri lill-Ministru li kien qed jipprova jiskredita dak li kien qed jingħad dwar in-nugrufun riedx li jġiblu aktar minn kampjun wieħed tan-nuġrufun li seta’ faċilment jiġbor mill-bitħa tiegħu.
Iva, l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa kien pass ġgantesk favur l-ambjent. Favur saħħet in-nies. Favur prekawzjoni kontra t-tniġġiż tal-arja. Imma bħal donnu dan diġà intnesa, minkejja li mhux qed nitkellmu fuq sekli ta’ snin ilu, imma fuq inqas minn 15-il sena. U jiddispjaċini ngħid li daqs kemm nikkundanna lil min qed jipprova jnessina dan kollu, daqstant ieħor u aktar nikkundanna lil min donnu mhux qed jirrealizza dan kollu u ma jqumx fuq saqajh u JFAKKAR BIL-KBIR u juri din l-ipokrezija grassa.
Imma ma kienx hemm biss il-Power Station tal-Marsa. Possibbli diġà insejna d-damdima li ngħatat lill-ambjent bil-Power Station ta’ Dellimara? L-istess, mhux qed nitkellmu fuq għexieren ta’ snin ilu. Possibbli diġà insejna li din kienet Power Station li kienet titħaddem bl-aktar żejt li jniġġeż, il-Heavy Fuel Oil? Possibbli li diġà insejna ċ-ċmiemi tagħha b’duħħan iswed grass ħiereġ minnhom lejl u nhar? Possibbli li l-Gvern m’għandux min ifakkar dan kollu? Mhux biżżejjed li kważi intnesa l-akbar skandlu fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna konness max-xiri taż-żejt għal din il-Power Station? Possibbli li diġà insejna li din kienet Power Station li wasalna għaliha grazzi għall-Yellow Pages?
U aktar. Possibbli li diġà insejna proġett massiċċ favur l-ambjent għal tal-madwar il-Port il-Kbir, il-proġett tax-Shore to Ship? Proġett li għadu fl-infanzja tiegħu! Staqsu lin-nies tal-Floriana li l-bini tagħhom jagħti għal fuq il-Port il-Kbir. Staqsu lin-nies tat-Tlett Ibliet, tal-Kottonera, x’ifissru ċ-ċmiem tal-vapuri jdaħħnu għal fuqhom. Staqsu x’inhi d-differenza llum. Imma Alla jbierek, donnu kulħadd frisk bħal ħassa u jekk ma jkunx il-Prim Ministru li jqajjem dawn il-punti kollox qisu waqa’ mis-sema u mhux b’riżultat ta’ ħidmet Gvern li għall-ambjent għamel u qed jagħmel ferm aktar minn dak li tingħata impressjoni dwaru.
Nistħajlek tistaqsini jekk naqbilx mal-mod kif qed jiżviluppa l-bini f’pajjiżna. Le, ma naqbilx ma’ kollox. Le m’għandi ebda għamad fuq għajnejja anke jekk għandi preferenza għat-tmexxija ta’ pajjiżna. Le ma naqbilx li jkollok triq kollha binjiet ta’ żewġ sulari u f’daqqa waħda titwaqqa’ binja minnhom u flokha tittella’ waħda ta’ erba’ sulari. Le ma naqbilx li jkun hemm min ikollu kamra f’għalqa, jew f’xagħri, kemm kemm jidher li kien hemm binja, u mbagħad xi ħadd JISKOPRI li ma nafx f’liema sena hemmhekk kien jgħix raġel jew mara u allura tista’ tiġi żviluppata f’residenza.
Imma meta nitfa’ kollox fil-kfief tal-miżien jirriżultali li t-tajjeb li sar, li qed isir u li hemm ippjanat li jsir fir-rigward tal-ambjent, ixaqleb ferm aktar mill-ħażin li sar u li forsi hemm min kontinwament jara kif dan il-ħażin jagħmlu tajjeb.
Għalhekk ‘nirrabja’ meta nara li, fl-opinjoni tiegħi, mhux qed isir biżżejjed, biex ma ngħidx li qed isir ftit li xejn, biex filwaqt li nfakkru mnejn tlaqna nispjegaw fejn wasalna u fejn hu pjanat li naslu. U mhux anke fejn wasalna qed inħallu lil min jipprova jnessina! Jiddispjaċini ngħid li iva llum għandna min kibritlu rasu u mhux talli ma japprezzax li sab sodda mifruxa talli bil-prużunzjoni tiegħu qed iħarbat dik l-istess sodda. Għax jaf biss il-preżent li qed jgħix u ma jinteressahx imnejn għaddew dawk li firxulu s-sodda.


