minn Cristian Muscat
Kevin Tulimieri hu isem li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-futbol lokali. Hu għandu 31 sena u jilgħab bħala winger u xi kultant anke bħala attakkant. Inġieb f’Malta minn Hamrun Spartans fl-istaġun 2018/19 wara perjodu fl-Italja ma’ Potenza, Savoia, Normanna u Molfetta.
F’Malta lagħab ukoll ma’ Valletta FC, Mosta u Birkirkara. Hu kien parti mit-tim ta’ Birkirkara FC li rebħu l-FA Trophy fl-istaġun 2022/23 fejn spikka ferm bil-logħob tiegħu mal-linja. Riċentement, ingħaqad ma’ Gzira United hekk kif se jkun qed jilbes il-flokk tal-Maroons ma’ dan it-tim li hu sejjaħlu ambizzjuż. Dan il-ġurnal tkellem mal-plejer Taljan innifsu, fejn tana l-impressjonijiet tiegħu dwar il-klabb ġdid tiegħu Gzira United kif ukoll l-ambizzjonijiet personali u kollettivi tiegħu.
Saqsejnih dwar l-ewwel jiem tiegħu ma’ Gzira United.
“L-ewwelnett laqatni ferm il-kowċ Andrew Cohen li bħala plejer kelli ċ-ċans nilgħab kontrih għal ħafna drabi. Hu jaf se w l-esperjenza ta’ plejer u kapaċi jitraduċiha f’dik ta’ kowċ fejn jifhem il-bżonnijiet tagħna. Għandu ċertu kariżma u anke abbiltá li jġib il-plejers miegħu speċjalment jien li llum nikkunsidra ruħi bħala veteran. L-ambjent fi ħdan Gzira United FC hu wieħed sabiħ u fil-verita’ kont sorpriż fil-pożittiv fl-ewwel jiem tiegħu hawnhekk. Nemmen li dan kollu jista’ jwassal għal staġun pożittiv.”
Tulimieri jitkellem dwar il-livell tal-futbol Malti u kif jarah li nbidel f’dawn l-aħħar snin. Hu ilu Malta kważi seba’ snin u ra livell ferm ogħla f’dawn l-aħħar snin. Issa li żdied in-numru ta’ plejers barranin, hemm iktar kompetizzjoni u għalhekk anke l-Maltin fl-iskwadra tal-klabbs jridu jaqtgħu bi snienhom biex jilagħbu b’mod regolari.
Fl-ewwel jiem ma’ Gżira United, Tulimieri jittama li jkun jista’ jagħti l-kontribut u anke l-esperjenza tiegħu għal riżultati aħjar u fuq kollox l-objettiv li jiksbu post f’xi kompetizzjoni Ewropea.
“F’dawn l-aħħar seba’ snin kemm ili Malta, irnexxieli nilgħab erba’ darbiet fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Fl-iskwadra tagħna għandna plejers li diġa’ lagħbu Malta bħal Lecao, Enrico Pepe u oħrajn. Minkejja kollox, għalkemm inkunu rridu nilagħbu f’xi kompetizzjoni Ewropea, il-futbol hu ftit stramb minħabba li tippjana mod u jiġri ieħor. Każ partikolari hu dak ta’ Sliema Wanderers li telgħu miċ-Challenge League u matul l-istaġun li għadda mhux biss kisbu t-tielet post fil-klassifka iżda wkoll rebħu l-FA Trophy. Wieħed għalhekk dejjem irid joqgħod kawt meta jsemmi objettivi. Jien bniedem li ma tantx inħobb nibni kastelli fl-arja qabel ma nara l-affarijiet sew.”
Fl-aħħarnett Kevin Tulimieri kellu messaġġ għall-partitarji ta’ Gżira United.
“Nixtieq li l-partitarji ta’ Gżira United FC jkunu t-tnax-il plejer tagħna. Naf li hawn entużjażmu kbir fost il-Gżirjani kull meta jilagħbu xi partita importanti. Irrid li huma jkunu magħna għax aħna l-plejers ikollna aktar kuraġġ biex naffaċċjaw din l-isfida ferm iebsa tal-Malta Premier League.”
“Jien min-naħa tiegħi nista’ niggarantilhom li se nkun qed nagħti l-mija fil-mija tiegħi bħalma nagħmel dejjem u nuża l-grinta u l-esperjenza tiegħi sabiex nagħti pariri u niggwida lil sħabi sabiex niksbu xi ħaġa importanti!”