B’mod parallel il-Gvern ta’ Robert Abela għażel li ma jħallix it-tkabbir ekonomiku jsir għad-detriment tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi. Għall-ewwel darba b’mod sistematiku, il-politika pubblika bdiet tara l-ispazji miftuħa bħala infrastruttura soċjali essenzjali. Parks nazzjonali, riġenerazzjoni ta’ artijiet abbandunati u protezzjoni ta’ żoni sensittivi ambjentalment mhumiex proġetti kosmetiċi iżda bidla fil-mentalità dwar kif għandu jiżviluppa pajjiż żgħir u popolat bħalma huwa tagħna. L-investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin fi spazji ħodor u l-ħolqien ta’ Project Green huma indikazzjoni ċara li l-ambjent daħal fil-qalba tad-deċiżjoni politika.
L-istess jista’ jingħad dwar is-settur tal-enerġija. Il-miżuri meħuda f’dan il-qasam importanti biex jinżammu stabbli l-prezzijiet tad-dawl u l-fjuwil f’perjodu ta’ kriżi enerġetika Ewropea, kienu deċiżjonijiet kuraġġjużi li poġġew lill-familji u lin-negozji lokali qabel il-kalkolu politiku.
Fl-istess ħin, proġetti strutturali bħat-tieni interconnector, l-investiment fid-distribuzzjoni tad-dawl, il-proġett shore-to-ship u l-ewwel passi lejn enerġija rinnovabbli offshore juru li l-Gvern jaħseb kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur.



