Sunday, December 22, 2024

L-AMBJENT MINN TAĦT

Aqra wkoll

Minkejja kull ma jintqal dwaru, m’hemmx dubju li l-ħarsien ambjentali f’pajjiżna mhuwiex jingħata importanza biżżejjed. Kif jintqal ukoll, “l-ispirtu jrid iwettaq, imma l-ġisem hu dgħajjef”. U allura l-istupru tal-ambjent ikompli.

Xi kultant biex tgħaxxaqha, anke l-iżviluppi li jidhru progressivi jiġu preżentati b’mod li jnaqqas fiduċja fihom. Bħal per eżempju dan l-aħħar it-tħabbira tal-Climate Action Authority, intenzjonata biex tiżgura li Malta tonora fil-konkret l-obbligi tagħha fil-qasam tal-miri dwar it-trażżin tat-tisħin tal-klima.

Sar ħafna diskors dwar il-poteri li se jkollha din l-awtorità, li se tkun oħra fil-portafoll dejjem jikber ta’ aġenziji tal-gvern. Issemmew nies ta’ stoffa kbira biex jieħdu sehem fiha. Biss l-aktar ħaġa importanti baqgħet ma ssemmietx. Kemm għandha u se jkollha fondi u riżorsi din l-awtorità? Jew forsi din l-informazzjoni ngħatat u l-medja ma rraportawhiex?

AJRUPORT F’GĦAWDEX

L-agħar mhux meta tagħmel żball imma meta tibqa’ tirrepetieh. L-awtoritajiet tal-gvern u r-rappreżentanti tas-settur privat f’Għawdex mexjin f’dit-triq. Donnhom ma tgħallmu xejn mill-problemi tal-Gozo Channel, tal-helicopter u tal-fast ferry. Fl-aħħar se jkollhom mid-dehra l-ajruport li ilhom joħolmu bih.

Isemmulna kif dal-proġett se jtejjeb il-konnettività tal-gżira Għawdxija u jgħolli l-attrazzjoni ta’ Għawdex għal turisti ta’ kwalità għolja, mingħajr ma jagħmel deni lill-ambjent. Illużjoni mill-kbar. Bħalikieku b’ajruplani li kapaċi jġorru anqas minn 10 (?) passiġġieri, l-konnettività se titjieb tassew u turisti ta’ kwalità f’Għawdex se jiżdiedu. Bħalikieku l-art agrikola li se tittieħed mhux se jkollha tiżdied biex takkomoda ajruplani akbar u negozji li jirkbu fuq il-proġett. Bħalikieku min se jtajjar l-ajruplani (?) mhux se jfalli malajr u jkollu jidħol il-gvern biex joffrilu salvawomo.

Diffiċli tifhem għaliex il-gvern u s-settur privat Għawdxi reġgħu qed jinjoraw l-ovvju… kif kienu għamlu meta ħarġu jiftaħru bil-progress milħuq bil-kompetizzjoni ta’ żewġ fast ferries bejn il-gżejjer. Għawdex jixraqlu aħjar.

BUDGET SOĊJALI

Intqal diġà ħafna fuq il-budget li jmiss, kif dejjem jiġri minn sena għal sena. Dan hu proċess normali, parti mis-sistema demokratika tagħna. Kull gvern jinsisti li l-baġet hu mmirat skont iċ-ċirkostanzi biex iwassal għal titjib ekonomiku u soċjali. Daqqa l-miżien imil aktar lejn l-ekonomiku, daqqa lejn is-soċjali.

Dis-sena naħseb li l-ħtieġa hi li l-budget ikun soċjali. Mhux biss fis-sens tradizzjonali tal-kelma, għalkemm din tibqa’ meħtieġa… speċjalment fir-rigward tal-inugwaljanzi soċjali u tas-saħħa mentali… daqskemm fl-oqsma “ġodda” … bħall-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet għall-istress li numru wisq kbir ta’ ċittadini qed ibatu minnu minħabba fatturi “ġodda” f’ħajjitna bħat-traffiku u l-bini eċċessiv, il-popolazzjoni li dejjem tirranka fin-numru u l-qerda ambjentali.

Ekonomija

Sport