Sunday, February 15, 2026

L-amministrazzjoni Trump… tensjoni u kaos

Aqra wkoll

Proprju ftit tal-jiem ilu, il-President tal-Istati Uniti fakkar l-ewwel anniversarju mindu reġa’ ingħata l-mandat biex ikun il-President tal-Istati Uniti. Ma setax jonqos li f’din l-ewwel sena, l-amministrazzjoni ta’ Trump tipprova tagħmel minn kollox biex juri dak li hu sejjaħ kisbiet.

Ħarġu bil-messaġġ ta’ 365 rebħa fi 365 jum. Lil hinn minn kull tip ta’ propaganda u narrattiva ippjanata minn qabel, teatrini u ftaħir, il-mistoqsija li trid issir hi f’din is-sena eżattament li fiha l-Istati Uniti kienet immexxija mill-amministrazzjoni Trump x’seħħ? In-nies huma trankwilli? Qegħdin jgħixu aħjar? Id-dinja hi aktar trankwilla?

M’hemm ebda dubju li l-amministrazzjoni ta’ Trump iffukat fuq prijoritajiet ħżiena. Abbandunat lil dawk l-aktar fil-qiegħ. Warrbet lill-ħaddiema b’mod partikolari dawk bi dħul baxx. Kienet amministrazzjoni li wasslet għal tensjonijiet kbar f’għadd ta’ bliet kbar fosthom Californja, Los Angeles u Minnesota bil-persekuzzjoni kontra l-barranin.

Rajna xeni fit-toroq li proprja qishom ta’ gwerra ċivili. It-tensjoni u l-ansjetà huma qawwijin ħafna f’dawn l-ibliet. Stħarriġ ukoll juru b’mod ċar li l-poplu fl-Istati Uniti mhux kuntent bit-tmexxija tal-aħħar sena. Filfatt minn stħarriġ li kien sar tal-opinjoni pubblika dwar kważi kull aspett tal-ewwel sena tal-President Donald Trump hija negattiva.

Maġġoranza tal-Amerikani jgħidu li Trump huwa ffukat fuq il-prijoritajiet żbaljati u qed jagħmel ftit wisq biex jindirizza l-għoli tal-ħajja, li qiegħda tifni lill-poplu Amerikan. 58 fil-mija, isejħu l-ewwel sena tal-mandat ta’ Trump bħala falliment. Hu ċar ħafna li matul l-ewwel sena l-amministrazzjoni ta’ Trump bdiet teqred l-ordni ekonomika u ta’ sigurtà bbażata fuq ir-regoli li wasslu għall-prosperità u sigurtà għall-Punent, u għenet biex tirbaħ il-Gwerra Bierda.

Rajnieh jitbiegħed mill-alleanza storika mal-Ewropa. Irredikola diversi nazzjonijiet. Rajnieh iżid it-tensjoni f’żoni partikolari tad-dinja fosthom meta beda jqajjem il-kwistjoni ta’ Greenland. Rajnieh jintervjeni fi stat bħal Venezwela. Waqt li beda jipprova jagħti l-impressjoni li kien se jkun mexxej li se jaħdem għal paċi u anke ippretenda b’saħħa il-Premju Nobel għall-Paċi, hu imbagħad iddikjara li “m’għadux iħoss obbligu li jaħseb purament dwar il-paċi”.

Dikjarazzjoni xokkanti. Dikjarazzjoni indirizzata lejn l-Ewropa. Kienet fuq kollox dikjarazzjoni li turik li d-dinja miexja lejn sitwazzjoni fejn min hu l-aqwa jħawwel. Li pajjiż jista’ jintervjeni f’pajjiż ieħor. M’hemmx dubju li bi Trump fit-tmexxija, id-dinja saret ferm aktar kaotika.

L-istabbilità ma teżistix u qed ngħixu fi żmien fejn donor tkun qed tistenna tara b’liema kwistjoni ġdida se joħroġ. Jekk inħarsu lejn il-poplu fl-Istati Uniti, llum hu ċar ħafna li l-amministrazzjoni ta’ Trump għamlet il-ħajja ferm inqas affordabbli għall-ħaddiema. L-affordabbiltà tikkonsisti fil-prezzijiet u l-pagi. Bl-ispejjeż dejjem qegħdin jogħlew, l-akbar ħsara li wettqet l-amministrazzjoni ġiet mill-politika tagħha li jżommu l-pagi baxxi u jdgħajfu l-poter ta’ negozjar tal-ħaddiema.

Minn dawn gawdew il-korporazzjonijiet il-kbar u l-investituri. L-amministrazzjoni Trump segwiet aġenda ibbażata li tnaqqas id-dħul għall-familji kollha ħlief l-aktar sinjuri, tnaqqas it-tkabbir tal-impjiegi, u tistieden l-isfruttament u l-abbuż ta’ min iħaddem—inklużi attakki bla preċedent fuq id-drittijiet ta’ negozjar kollettiv tal-ħaddiema.

Il-politika tiegħu sistematikament għamlitha aktar diffiċli għall-familji li jaffordjaw l-affarijiet bażiċi. U meta l-amministrazzjoni Trump se tkompli bl-aġenda ekonomika tagħha, dań se jkun ifisser li l-ħajja għall-ħaddiema se tkompli ssir inqas affordabbli għall-klassi tal-ħaddiema.

U waqt li l-ħaddiema qegħdin jesperjenzaw tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, l-istess poplu Amerikan, qed jara it-tensjonijiet jiżdiedu. Il-mewt ta’ l-infermier, Alex Pretti, li nqatel minn aġent tal-ICE tista’ tgħid li saru simbolu ta’ din l-eskalazzjoni. Il-qtil tiegħu seħħ ftit jiem biss wara li kienet inqatlet oħra. U quddiem dan, rajna l-awtoritajiet federali jippruvaw jgħidu li l-isparaturi kienu leġittimi. Ma urew ebda kompassjoni lejn il-vittmi.

Agħar minn hekk kien hemm min sejħilhom terroristi domestiċi. U l-mistoqsija li toħroġ minn dan kollu wara biss sena, hi fejn sejra l-Istati Uniti? Kif jista’ jkollok mexxej ta’ pajjiż bħall-Istati Uniti, li joħloq dan il-kaos u din it-tensjoni. Kif jista’ jkollok mexxej li qisek qatt ma taf fejn int miegħu.

Mexxej li jmexxi narrattiva favur il-biljunarji u l-korporazzjonijiet il-kbar. Jhedded u jinsulenta lil min ma jaqbilx miegħu, ibda minn sezzjonijiet tal-poplu u ibqa’ sejjer sal-midja.

Mexxej li anke hedded universitajiet rispettati mad-dinja kollha. M’għandna ebda dubju li b’din it-tip ta’ politika, fix-xhur li ġejjin l-appoġġ għall-amministrazzjoni se jkompli jiddgħajjef. M’għandniex dubju li bi Trump fit-tmexxija it-tensjoni u l-kaos se jkompli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport