Fl-aħħar jiem u ġimgħat il-Mediterran kien karatterizzat minn għadd ta’ dgħajjes li telqu mil-Libja u t-Tuneżija b’immigranti li qed ifittxu tama għal ħajja aħjar. Vjaġġi li l-parti kbira minnhom daħlu f’Lampedusa, oħrajn fl-Italja u żewġ dgħajjes iddaħħlu f’Malta. Is-sitwazzjoni qed tibqa’ tkun karatterizzata minn sitwazzjoni fejn l-istess immigranti ikollhom jagħmlu jiem jistennew fuq il-bastimenti ta’ għaqdiet non governattivi sakemm jingħataw port sigur. Jekk wieħed jifli sew dak li għaddej fil-Mediterran, fejn bħalissa hemm dak li qed jissejjaħ ‘ġenn sħiħ’ biex jinstabu dgħajjes u dinghies biex isiru vjaġġi, isib li l-imwiet din is-sena meta tqabbilhom mal-ammont ta’ immigranti li għamlu l-vjaġġ diġa huma għola sew minn ta’ snin oħra. Is-sena 2021, li mis-sena 2015 l-hawn kienet sena bit-tieni l-inqas ammont ta’ immigranti li qasmu l-Mediterran, din kienet l-aktar sena qattiela għax ir-rata ta’ imwiet telgħet għal 2.62 fil-mija. Din is-sena, sal-bidu ta’ Awwissu diġa għandna nofs dan il-persentaġġ ta imwiet.
Lejn Malta spiss jiġu ppuntati swaba minħabba li għalkemm qed isiru rapporti ta’ dgħajjes li jkunu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija, is-salvataġġi qegħdin idumu jew addirittura jispiċċaw ikunu salvati minn bastimenti ta’ għaqdiet non governattivi u mbagħad wara jiem jistennew jingħataw permess jidħlu l-Italja.
Il-Ministeru tal-Intern, meta kkummenta ma’ talk.mt dwar is-sitwazzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni iddikjara li l-ammont ta’ immigranti kemm fid-detenzjoni u anke fiċ-ċentri miftuħin hu wieħed baxx ħafna.
Il-Ministeru qalilna li “bħalissa qed jintużaw iċ-ċentri ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi u Ħal Far. F’dawn iċ-ċentri jinżammu persuni barranin li jkunu fil-proċess li jintbatu lura pajjiżhom, inkluż persuni li oriġinarjament ikunu daħlu Malta legalment. In-numru ta’ immigranti fiċ-ċentri magħluqa u miftuħa huwa relattivament baxx. Dan huwa riżultat tal-politika tal-Gvern li tippreveni wasliet irregolari, tirritorna immigranti li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’Malta u taqsam ir-responsabbiltà tal-immigrazzjoni ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea permezz tar-rilokazzjoni.”
Jekk wieħed jara ir-rata ta’ imwiet meta mqabblin ma’ kemm immigranti qasmu l-Mediterran wieħed isib li fis-sena 2015 qasmu 1,032,408 persuna u mietu 3,771 persuna jew 0.36 fil-mija. Fis-sena 2016 qasmu 373,652 persuna, mietu, 5,096 persuna b’rata ta’ 1.36 fil-mija. Fis-sena 2017 qasmmu 185,139 persuna bl-imwiet ikunu ta’ 3,139 jew 1.69 fil-mija. Fis-sena 2018, dawk li qasmu kienu ta’ 141,472, l-imwiet kienu ta’ 2,277 persuna jew 1.6 fil-mija. Fis-sena 2019, kienu 123,663 persuna li għamlu l-vjaġġ bl-imwiet ikunu ta’ 1.22 fil-mija jew 1,510 persuna.
Jekk nieħdu is-sena 2020 naraw li l-ammont li għamlu l-vjaġġ kienu ta’ 95,774 persuna, bl-imwiet ikunu ta’ 1,881 jew 1.96 fil-mija. Fis-sena 2021 kienu 123,318 persuna li qasmmu, bl-imwiet ikunu 3,231 persuna jew 2.62 fil-mija. Din is-sena sal-bidu ta’ Awwissu kienu qasmu 71,105 persuna u sa issa l-imwiet laħqu 945 persuna jew 1.32 fil-mija.