Sunday, November 24, 2024

“L-ammont ta’ immigranti mejtin kien ikun akbar kieku ma tteħditx deċiżjoni immedjata”

Il-Forzi Armati ta’ Malta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem it-traġedji tal-immigranti fil-Mediterran kienu fuq fomm ħafna kemm f’Malta u anke barra pajjiżna. Dan minħabba ammont ta’ imwiet li seħħew. Waħda minn dawn l-imwiet hi tat-tifla Loujin li kellha biss 4 snin.  Tifla li għamlet jiem bla ikel u bla ilma, xi wħud minnhom fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. “Għandi l-għatx” kienu l-aħħar kliem li lissnet din it-tifla fi ħdan ommha. Hi mietet fi triqitha lejn l-Isptar f’Heraklion fi Kreta. Oħtha ta’ sena u nofs, iddaħħlet l-isptar f’kundizzjoni kritika ħafna, imma talk.mt jinsab infurmat li qalbet għall-aħjar. Dan is-sit għamel kuntatt mal-AFM, u dan wara li dawn l-immigranti, madwar 60 persuna abbord dgħajsa, talbu l-ewwel għajnuna is-Sibt 3 ta’ Settembru  u sat-Tnejn filgħaxija kienu għadhom mhux salvati.  Apparti Loujin, minn dik id-dgħajsa kien hemm omm bi tmien xhur tqala li tilfet it-tarbija u mietu żewġ żgħażagħ waqt is-salvataġġ.

Il-Forzi Armati ta’ Malta, fit-tweġiba tagħhom għad-domandi minn talk.mt iddikjaraw li l-ammont ta’ immigranti mejtin f’dan il-każ seta’ jkun ferm akbar li kieku ma tteħditx id-deċiżjoni li l-bastiment jintbagħat lejn l-eqreb port.

Il-Forzi Armati ta’ Malta iddikjaraw li “wara n-notifika tal-każ ir-Rescue Coordination Centre Malta (RCC MT) iddevjat l-assi kollha disponibbli għas-salvataġġ u kkoordinat s-salvataġġ tal-migranti irregolari 70 mil nawtiku ta’ Kreta, il-bastiment merkantili ġie ddevjat lejn l-eqreb post ta’ sigurtà jiġifieri Kreta, skont il-Konvenzjonijiet applikabbli.”

Iddikjaraw li “waqt li kien fi triqtu lejn il-kosta ta’ Kreta, RCC MT rċeviet informazzjoni għall-assistenza medika mingħand il-kaptan tal-vapur, RCC Malta talbet immedjatament lill-awtoritajiet Elleniċi għall-evakwazzjoni immedjata ta’ tifla abbord il-bastiment merkantili li kien fil-viċinanzi ta’ Kreta, il-Greċja. RCC MT kienet f’komunikazzjoni kostanti ma’ RCCs oħra biex timmonitorja din l-operazzjoni. Minħabba d-distanza ta’ aktar minn 450 mil nawtiku, li kieku l-vapur ma kienx devjat immedjatament minn RCC MT lejn l-eqreb post ta’ sikurezza, in-numru ta’ vittmi kien ikun ogħla.”

Mistqosijin b’mod speċifiku għaliex mhux jagħti informazzjoni lil għaqdiet non governattivi, il-Forzi Armati ta’ Malta iddikjaraw li “minħabba s-sensittività ta’ ċerti operazzjonijiet, il-Forzi Armati ta’ Malta mhux dejjem ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni fil-ħin. Madankollu, il-Forzi Armati ta’ Malta tixtieq tassigura li jsir kull sforz, u kull diliġenza eżerċitata, sabiex tiġi żgurata mhux biss l-aderenza ta’ Malta mar-regolamenti, obbligi, u proċeduri stabbiliti internazzjonali u dawk li japlikaw ghal Malta, iżda wkoll, li kull każ jiġi kkordinat biex fejn ikun hemm bzonn tingħata għajnuna f’waqtha u effiċjenti biex tippreserva l-ħajja.”

Intant illejla se ssir attività f’Ta’ Liesse fil-Belt Valletta fejn għadd ta’ għaqdiet umanitarji u anke attivisti se jfakkru lit-tifla Loujin.  Huma se jkunu qed juru n-nuqqas ta’ qbil tagħhom għal mod kif qed jiġu trattati l-immigranti li jkunu qed jaqsmu b’mod partikolari meta jitolbu l-għajnuna u d-dewmien biex jingħataw port sigur.

Sport