Friday, December 27, 2024

L-ammont ta’ turisti li żaru Malta f’Mejju jqarreb il-200,000

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rriżulta li matul ix-xahar ta’ Mejju 2022 kien hemm total ta’ 197,007 turisti li ġew Malta fuq vaganza, mentri total ta’ 17,268 ġew għal skopijiet ta’ negozju. L-aktar faxxa ta’ età fost it-turisti li żaruna kien bejn il-25 u l-44 sena (42.5%) segwiti minn dawk 45 u l-64 sena (28.5%). Il-Franċiżi, il-Ġermaniżi u t-Taljani kienu 35.2% tat-total ta’ turisti li ġew f’pajjiżna.

Mill-informazzjoni miġbura, l-aktar tip ta’ akkomodazzjonijiet għal matul il-lejl magħżula kienu fi stabbilimenti tal-kiri (86.6%) u l-medja tal-iljiel li qattgħu l-istess turisti kienet ta’ 6.1. Fix-xahar ta’ Mejju waħdu, l-infiq totali kważi laħħaq il-€174.8 miljuni mentri l-medja ta’ nfiq kull lejl hija stmata li kienet ta’ €129.1.

Bħala turisti li ġew Malta fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena l-ammont tela’ għal 651,140 mentri t-total ta’ ljieli li qattgħu fuq il-gżejjer tagħna qabżu l-4.4 miljun lejl. L-infiq totali minn dawn it-turisti f’dan il-perjodu huwa stmat li laħaq l-€479.9 miljuni. L-infiq totali per kapita kien ta’ €737. Dan l-ammont irreġistra tnaqqis – fl-2021 li kien ta’ €870.

Meta wieħed iqabbel il-perjodu ta’ qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 mar-riżultati li kellna sa Mejju 2022, it-turiżmu lejn pajjiżna rkupra b’84.4% minn dak li kien qabel il-Coronavirus (2019). L-akbar irkupru kien fost persuni bl-etajiet ta’ bejn iż-0 u l-24 sena (102.0%) u l-inqas kien fost dawk b’aktar minn 65 sena (72%). 

Is-settur ta’ turisti li jiġu f’Malta għal raġunijiet ta’ negozju rkupra aħjar (94.9%) minn dak tat-turisti li ġew fuq vaganza (84.5%).

Ekonomija

Sport