Ftit tal-jiem ilu, ġiet diskussa fil-Parlament mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar li klieb ikollhom spazju xieraq u adattat għalihom. L-idea tal-Oppożizzjoni mhijiex ħażina imma tista’ titwettaq biss fi stat ideali li fir-rigward tas-santwarji u l-pet shops, din il-possibiltà ma tistax issir.
Dan ifisser li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni mingħajr ma taf il-konsegwenzi li l-proposta li ressqet tista’ tħalli. Għaliex kieku kellha titwettaq il-proposta kif imressqa żgur ikollha effetti negattivi fuq il-pet shops u s-santwarji li diġà huma ffullati. Għax li kieku kellhom jitkabbru l-ispazji fejn jinżammu l-klieb, dan ikun ifisser inqas klieb fis-santwarji u aktar klieb jiġġerrew fit-toroq bil-perikli kollha għal saħħithom u ħajjithom.
Aħna napprezzaw u ninkoraġġixxu kull sforz li jsir biex tiġi evitata moħqrija tal-annimali mhux biss fiżika imma wkoll fil-mod ta’ kif jinżammu l-annimali partikolarment il-klieb u l-qtates. Imma d-daqs tas-santwarji hu dak li hu u ma jistax jiġġebbed qisu biċċa lakstuwa.
Irid jingħad li l-benesseri tal-annimali fis-santwarji diġà huma mħarsa mhux biss fiż-żamma tagħhom imma wkoll fejn jidħlu bżonnijiet veterinarji.
Biex issaħħaħ l-argument tagħha, l-Oppożizzjoni daħħlet fin-nofs diskriminazzjoni bejn kelb u ieħor. Iżda fl-istess waqt qed tinsa li hemm annimali oħra li jixraqilhom kull protezzjoni u ħarsien mill-moħqrija, partikolarment fil-ġranet sħan tas-sajf Malti.
Għalhekk naqblu mal-ħidma li qed issir mill-awtoritajiet konċernati biex il-faċilitajiet f’dawn l-istabbilimenti jiġu mtejbin u jkunu dejjem aħjar partikolarment fejn jirrigwardja l-ispazju fejn jinżammu l-klieb u annimali oħra.
Apparti minn hekk, ta’ min jirrikonoxxi l-fatt li jsiru żjarat fis-santwarji sabiex ikun evalwat l-impatt tal-bidla fl-istandards għas-santwarji tal-annimali u b’hekk issir evalwazzjoni ta’ x’tip ta’ għajnuna dawn għandhom bżonn biex jintlaħqu standards dejjem aktar ogħla.
Il-Gvern ma jistax jaħrab minn dawn l-obbligi tant li huwa marbuta bil-manifest elettorali fejn hemm ċar u tond il-ħidma li għandha ssir biex is-santwarji fejn jinżammu l-annimali jkunu adattati għaż-żminijiet tal-lum.
Minn dan kollu nieħdu spunt biex inħeġġu aktar infurzar partikolarment dwar dawk l-annimali domestiċi li jinżammu fix-xemx ta’ kuljum jew magħluqin xi mkien mingħajr ma jkollhom iċ-ċans ta’ kuntatt mal-bniedem u mingħajr ikel u xorb frisk.