Monday, May 12, 2025

L-annimali kienu mitmugħa u miżmuma tajjeb, mingħajr ebda sinjali fiżiċi ta’ trawma jew negliġenza

Aqra wkoll

Il-każ inġieb għall-ewwel darba għall-attenzjoni tal-awtoritajiet fis-27 ta’ Diċembru 2024. Spezzjoni immedjata mill-awtoritajiet kompetenti kkonfermat il-preżenza ta’ erba’ ljuni u leopard miżmuma mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa, bi ksur tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 439.19 dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi. Is-sit tqiegħed taħt sorveljanza tal-Pulizija kif ukoll tal-uffiċjali mid-Direttorat għar-Regolamentazzjoni Veterinarja.

Għalkemm il-post ma kienx jilħaq l-istandards minimi meħtieġa għall-benesseri tal-annimali, il-valutazzjonijiet tal-uffiċjali veterinarji kkonfermaw li l-annimali kienu fi stat ta’ saħħa tajba. L-annimali kienu mitmugħa u miżmuma tajjeb, mingħajr ebda sinjali fiżiċi ta’ trawma jew negliġenza. Il-‘body condition’ score kien tajjeb, l-ilma kien disponibbli kontinwament, u ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ mġiba sterjotipika jew aggressiva. L-annimali ma wrew l-ebda sintomi li jindikaw tbatija psikoloġika.

Biex tiġi żgurata l-kura kontinwa tagħhom, ġie assigurat li l-annimali qegħdin taħt is-superviżjoni ta’ veterinarju privat, ġew mikroċippati ftit wara s-sejba tagħhom, u minn dakinhar baqgħu soġġetti għal monitoraġġ kontinwu tas-saħħa. Minħabba l-klassifikazzjoni ta’ dawn l-ispeċi bħala annimali perikolużi skont L.S. 439.19, u l-fatt li kienu qed jinżammu mingħajr awtorizzazzjoni, l-annimali tqiegħdu formalment taħt l-awtorità tad-Direttur għar-Regolamentazzjoni Veterinarja.

L-individwu responsabbli għal dawn l-annimali ġie nnotifikat kif suppost biex jiżgura post adattat u legalment konformi għal dawn l-annimali. Filwaqt li l-awtoritajiet esploraw il-possibilità li jiġu rilokati, fosthom f’zoos lokali, dawn l-isforzi ma wasslux għal soluzzjoni vijabbli. Konsegwentement, inbdew ukoll diskussjonijiet ma’ organizzazzjonijiet barranin bħala kontinġenza f’każ li tkun meħtieġa rilokazzjoni barra mill-pajjiż.

Wara kunsiderazzjonijiet ta’ siti oħra fejn jinżammu l-annimali perikolużi instab sit alternattiv u l-annimali ġew rilokati f’sit fir-Rabat. Ir-rilokazzjoni twettqet taħt superviżjoni stretta mill-awtoritajiet rilevanti u l-Pulizija biex jiġi żgurat it-trasport sigur u uman tal-annimali. Id-Direttorat għar-Regolamentazzjoni Veterinarja aċċerta li l-istrutturi fejn jinsabu dawn l-annimali issa huma xierqa għal dawn l-annimali u għaldaqstant id-Direttorat huwa sodisfatt mill-‘enclosures’ il-ġodda tagħhom.

Bħalissa l-annimali jinsabu fil-proċess li jiġu rreġistrati formalment skont l-Avviż Legali 43 tal-2025 li ġie promulgat reċentement. Ir-reġistrazzjoni tal-annimali ma tipprovdix immunità minn prosekuzzjoni relatata ma’ ksur preċedenti. Għaldaqstant, għaddejjin proċedimenti legali kontra l-persuna responsabbli għaż-żamma illegali ta’ annimali perikolużi u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-istandards għat-trattament xieraq tal-annimali. Skont l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali, l-ewwel kundanna tista’ tirriżulta f’multa li tvarja minn €2,000 sa €65,000, ħabs sa tliet snin, jew it-tnejn. It-tieni kundanna jew waħda sussegwenti tista’ tirriżulta f’multa bejn €6,000 u €80,000, ħabs sa tliet snin, jew it-tnejn.

Id-Direttorat tar-Regolamentazzjoni Veterinarja jibqa’ impenjat bis-sħiħ li jissalvagwardja s-sigurtà pubblika u jżomm il-benessri u d-drittijiet tal-annimali kollha, inklużi dawk li kienu jinsabu fl-Għallis.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport