Tuesday, April 30, 2024

“L-anzjanità hija kollha kemm hi riflessjoni tal-ħajja li għex l-individwu”

Studju mill-Ġerantologu, Anthony Aguis Decelis

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-trobbija, l-edukazzjoni, l-impjieg, id-deċiżjonijiet u l-istil ta’ ħajja jaffettwaw u jirriflettu l-mod ta’ kif ngħixu l-anzjanità tagħna. Din hija t-teorija li ħarġet minn studju tal-Ġerantologu Anthony Agius Decelis li f’intervista ma’ Talk.mt jisħaq li min jissaggrifka u jippjana fit-tul, se jgawdi l-frott ta’ dan kollu fit-terza età. Ma’ dan huwa jemmen li l-karatteristiċi u l-użanzi mħaddna meta nkunu żgħar, se jibqgħu l-istess fl-anzjanità.

Li persuna tavvanza fl-età, tilħaq u tgawdi l-pensjoni hija ideali u l-mira tal-maġġoranza minna. Dan il-perjodu fl-għabex tal-ħajja għandu jkun esperjenza sabiħa u komda. “L-anzjanità hija riflessjoni ta’ dak kollu li nagħmlu mit-twelid sakemm nagħlqu s-65 sena. Jekk persuna għexet b’mod partikolari jew inkella għamlet xi ħaġa tul ħajjitha kollha, din mhux se tinbdel meta tasal għall-pensjoni jew wara,” beda jispjega Aguis Decelis. 

Huwa qal li dan il-perjodu jirrifletti l-mod ta’ kif konna ngħixu ħajjitna fis-snin ta’ qabel fosthom l-attivitajiet li konna nkunu involuti fihom, l-imġieba tagħna, il-mod tal-ħajja li konna ngħixu, il-vizzji bħal xorb eċċessiv, id-dieta, l-eżerċizzju, ir-reliġjon, it-twemmin politiku, it-tim tal-football li konna nħobbu, kif ukoll sehem kulturali u/jew soċjali.

L-istadji differenti ta’ ħajjitna

Permezz tat-tabella li tidher hawn fuq Anthony Agius Decelis qasam il-ħajja tal-bniedem f’disa’ sezzjonijiet li jkopru mit-twelid sal-età medja li wieħed jgħix. F’dan l-istudju naraw kif A u B (0-20 sena) huma s-snin tal-formazzjoni tal-persuna u kkonsidrati bħala l-investiment għall-futur. Mentri C, D, E u F jaslu sa 60 sena, il-perjodu li fihom adult bħala regola ġenerali jkun jaħdem u dan ikompli sa nofs G. It-tieni nofs ta’ G, meta bniedem jagħlaq 65 sena u joħroġ bil-pensjoni, H u I, huma s-snin ikklassifikati bħala l-anzjanità.

Aguis Decelis spjega li jekk oġġett għamiltu f’A,B,C,D,E u F, il-probabbiltà hija li tagħmilha fil-G, H u I. “Jekk l-età medja tal-mortalità tal-bniedem issa saret 80 sena, nofs ħajjitna hija 40 sena u mhux 50. Mela, jekk qegħdin nitkellmu dwar il-perjodu mill-pensjoni ta’ 65 sena sa 83 sena, naraw li hemm biss 18-il sena. Hawnhekk toħroġ il-mistoqsija: jekk oġġett għamiltu 65 sena, se tbiddlu fl-aħħar 18-il sena ta’ ħajteek? Il-probabbiltà hija li, le,” iddikjara dan il-Ġerantologu.

Mistoqsi liema huma l-aktar etajiet kruċjali, Aguis Decelis qal li l-aktar perjodu important fil-ħajja tal-bniedem huwa dak ta’ bejn it-twelid sa 20 sena (A u B), il-perjodu tal-formazzjoni. Fl-istudju rriżulta li dan il-perjodu huwa importanti li t-tfal ikunu esposti għal valuri u imġieba tajba, kif ukoll għal soċjalizzazzjoni minħabba li dak kollu li jsir u jkun esperjenzat hawn, se jaffettwa fl-età adulta u sussegwentement jirrifletti fl-anzjanità. Dak li jsir f’A u B se jinfluwenza b’mod immejat  C u kompli sa I.

Edukazzjoni tajba għal futur aħjar…

“It-trobbija li nagħtu lil uliedna se tkun riflessa fuq ħajjithom kollha. Għalhekk hija importanti trobbija b’responsabbiltà fosthom edukazzjoni tajba. Din twittilhom it-triq għal impjieg tajjeb meta jsiru adulti u għaldaqstant igawdu minn pensjoni tajba meta jaslu għaliha. Jekk min-naħa l-oħra l-edukazzjoni ma tkunx tajba, meta jikbru dawn isibu biss impjieg b’paga baxxa b’riskju ta’ faqar li żgur se jkun aktar aggravat fl-anzjanità minħabba li d-dħul mill-pensjoni se jkun inqas,” wissa Aguis Decelis.

Huwa qal li jekk f’A u B tingħata edukazzjoni tajba, dawn se jkollhom impjieg tajjeb u livell ta’ għixien tajjeb. Dan japplika wkoll fiż-żmien tal-pensjoni għax ir-rata taż-żewġ terzi tkun aħjar minn ta’ dawk li kellhom dħul baxx fl-impjieg. Il-Ġerantologu sostna li, “Jekk il-bidu ma jkunx tajjeb u t-tfal ma jingħatawx edukazzjoni jew kapaċitajiet oħra (skills), meta jkunu fis-settur tax-xogħol (C,D,E,F u nofs G), dawn jispiċċaw b’paga baxxa u jkun diffiċli biex titma’ familja aħseb u ara tavvanza ekonomikament f’fergħat oħra”. 

Fi ftit kliem, il-bidu tal-ħajja sal-età ta’ 20 sena jiddetermina kollox u jaffettwa dak kollu li jsir. Meta tifel jew tifla jingħataw edukazzjoni baxxa dawn jiksbu ftit kapaċitajiet b’konsegwenza li jkollhom impjiegi b’paga baxxa. Hawnhekk Agius Decelis ma rreferix biss għall-kapaċitajiet akkademiċi, iżda wkoll għal ħiliet oħra fosthom sengħa li wieħed jista’ jitgħallem bħal bajjad, kaħħal jew mastrudaxxa. 

“Dawn se jkollhom paga tajba għax sengħa llum il-ġurnata hija mfittxija ħafna. Mela, jekk ikollok edukazzjoni baxxa jew ftit ħliet, jew inkella xejn, meta tibda taħdem se jkollok dħul baxx u l-pensjoni ovvjament tkun baxxa wkoll, dak li nirreferu għalih bħala r-ripple effect”.

Il-ġenituri, l-istat u l-individwu

Mit-tagħrif li tana dan il-Ġerantologu fil-perjodu tant importanti bejn it-twelid u l-20 sena hemm tliet pilastri importanti li jiddeterminaw ir-riżultat tal-formazzjoni u l-futur tal-individwu. Dawn huma: il-ġenituri, l-istat u l-individwu nnifsu – tliet fatturi bi rwol importanti ħafna tant li ma tista’ tħalli ebda wieħed minnhom barra. 

  • L-individwu għandu f’idejh iċ-ċavetta tad-deċiżjonijiet u t-toroq li jagħżel għal ħajtu;
  • Il-ġenituri huma għalliema primarji u mera għal wliedhom bl-aġir, il-gwida, l-appoġġ u l-eżempji li jagħtuhom. Iridu jrawmu lil uliedhom f’individwi edukati, responsabbli u indipendenti; 
  • L-istat huwa fl-obbligu li jagħti opportunitajiet ta’ edukazzjoni u faċilitajiet oħra li jgħinu fil-formazzjoni tajba ta’ ċittadini kontributuri siewja tas-soċjetà.

Aguis Decelis qal li, “id-deċiżjonijiet tal-individwu f’dan il-perjodu huma kruċjali mentri min-naħa tal-ġenituri huwa importanti l-appoġġ tagħhom fil-vjaġġ edukattiv tat-tfal u li jgħaddu prinċipji u valuri tajba. Jekk ġenituri b’livell ta’ edukazzjoni baxxa ma jagħtux każ l-edukazzjoni ta’ wliedhom, fosthom ma jħallsuhomx il-privat ta’ xi suġġett li jkunu batuti fih, it-tfal se jaqgħu lura. Il-futur tagħhom se jkun affettwat. Ma dawn hemm l-eżempju li jagħtuhom”. Eżempju hemm dak ta’ tfal li jaraw il-ħażen jew jgħixu f’ambjent partikolari fosthom f’każijiet estremi, iżda reali, ta’ serq. “Meta t-tfal jikbru u jirrealizzaw li jridu jbatu biex jaqilgħu b’mod diċenti €50 kuljum f’impjieg normali, imma jitilgħu f’ambjent li fih il-ġenituri stess jirrikorru għas-serq għall-għixien tagħhom, dawn it-tfal se jirraġunaw li huwa aktar faċli li jmorru jagħmlu hold up. Għalhekk il-ġenituri huma importanti,” kompla l-Ġerantologu.

Il-Ġerantologu Anthony Agius Decelis

Żied jgħid li min-naħa l-oħra l-istat jipprovdina bl-opportunità ta’ edukazzjoni tajba bla ħlas imma jekk dak li jkun ma jkunx irid jitgħallem, kollox ikun għal xejn. “Għalhekk l-individwu għandu rwol importanti immens biex jiddetermina l-futur tiegħu. Din hija regola ġenerali u hemm eċċezzjonijiet. Fl-aħħar mill-aħħar biex wieħed jirnexxi, is-sigriet huwa li jkun hemm taħlita ta’ dawn it-tliet elementi ta’ deċiżjonijiet tajba, formazzjoni soda u opportunitajiet”.

Dak li tiżra’… taħsad

Fl-opinjoni ta’ Aguis Decelis, il-ħajja għandha tkun kollha ppjanata. “Dawk li l-aktar jippjanaw u jfasslu fit-tul, aktar ikollhom anzjanità organizzata li tagħtihom serħan il-moħħ”. Eżempju ieħor li dan il-Ġerantologu ta huwa dak bejn ġuvni li jagħżel li ma jixtrix post u minflok jberbaq flusu fit-tgawdija ma’ ieħor li jidħol għas-sagrifċċju u jinvesti fi proprjetà residenzjali. 

Huwa qal li fil-każ ta’ dak li baqa’ ma xtarax saqaf fuq rasu, fi xjuħitu se jkollu problema mentri dak li xtara, ladarba jkun bil-pensjoni ma jkollux diffikultà biex isib fejn joqgħod. Huwa minnu li l-ewwel wieħed se jgawdi fis-snin li jaħdem imma meta mbagħad jasal għall-pensjoni se jonqoslu d-dħul u se jkun finanzjarjament ristrett aktar mit-tieni wieħed. Dan aktar se jbati jekk il-kirjiet jibqgħu jogħlew fil-prezz. 

“HEMM DEĊIŻJONIJIET IMPORTANTI F’ĦAJTEK LI JEKK TAGĦMILHOM TAJBIN ISARRFU F’INVESTIMENT POŻITTIV LI TGAWDIH MATUL ĦAJTEK KOLLHA”

Il-Ġerantologu Anthony Agius Decelis

“Kollox fih l-effetti pożittivi u negattivi tiegħu imma kollox huwa riżultat tad-deċiżjonijiet li jieħu l-individwu. Is-solitudni l-istess. Meta jkollok persuna iebsa u dejjem waħidha bla ħbieb jew ta’ rasha, din se tispiċċa waħidha. Meta din tixjieħ il-karattru tagħha se jibqa’ l-istess. L-istess fejn tidħol is-saħħa fiżika. Jekk persuna tagħmel ħajjitha tiekol bl-addoċċ jew tixrob b’mod eċċessiv, din ikollha problemi ta’ saħħa u mard fl-anzjanità. Dawn huma karatteristiċi u abitudnijiet f’forma ta’ kapaċitajiet inter personali li trid titgħallimhom meta tkun iżgħar u għalhekk ngħid li l-anzjanità tirrifletti l-mod kif ngħixu u nġibu ruħna fis-snin ta’ qabel,” insista Agius Decelis.

Huwa qal li l-oppost iseħħ f’każ ta’ persuna b’karattru sabiħ u jkollha ċerta kariżma. “Din mhux se jkollha problemi ta’ relazzjonijiet meta tixjieħ għax tiġbed lin-nies lejha awtomatikament mentri jekk bniedma titwarrab waħidha, hija antipatika jew tiġġieled ma’ kulħadd, meta tikber mhux se tinbidel. Din hija t-teorija kollha tiegħi,” spjega Decelis.

Il-messaġġ ta’ dan il-Ġerantologu għaż-żgħażagħ huwa li s-sagrifiċċji li jagħmlu, żgur li se jgawdu l-frott tagħhom. Dan għax ikunu qegħdin jinvestu fihom infushom. “Toqgħodx tgħid li ma tridx skola u tgħix bil-filosofija li tiddeċiedi issa għal issa, għax tkun qiegħed timxi b’nuqqas ta’ ħsieb. Sakemm tagħlaq l-20 sena hemm deċiżjonijiet importanti għal ħajtek li jekk tagħmilhom tajbin isarrfu f’investiment pożittiv li tgawdih tul ħajtek kollha,” temm Anthony Agius Decelis.

Sport