Ritratti: Alan Saliba
Minn din il-ġimgħa dawk li applikaw għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizja se jattendu għall-‘psychometric test’.
B’dan it-test il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) trid tivverifika jekk l-istess applikanti humiex fi stat mentali tajjeb biex jieħu f’idejhom kariga bħal din. Wara l-applikanti jiġu msejħa għal intervista fi grupp u oħra b’mod individwali quddiem l-istess ħames membri tal-PSC.
Imbagħad il-PSC trid tagħżel iż-żewġ kandidati li l-aktar jidrilhom xierqa għall-kariga u tirreferihom lill-Kabinett. L-istadju li jkun imiss huwa li l-Kabinett jgħid lill-Ministru għall-Intern, Sigurta u Infurzar tal-Liġi liema huwa l-applikant preferut.
Il-persuna magħżulha tiġi riferuta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi biex wara li janalizza lill-persuna jiddeċiedi japprovahx jew le. Din id-deċiżjoni tintbagħat lill-Prim Ministru li jieħu d-deċiżjoni finali wara li jikkonsulta mal-PSC.
Din hija l-ewwel darba li l-Kummissarju tal-Pulizija se jiġi maħtur wara sejħa pubblika hekk kif matul is-snin dejjem inħatar mill-Gvern.





