Is-sajd huwa settur fundamentali fl-ekonomija u l-kultura Maltija. Is-sajjieda lokali tagħna jiffaċċjaw sfidi uniċi, speċjalment matul l-istaġun impenjattiv tal-lampuki. F’dan il-kuntest, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu b’miżuri konkreti u sostnuti, li jimmiraw li mhux biss jgħinu f’waqt ta’ bżonn imma wkoll jassiguraw is-sostenibbiltà fit-tul tas-settur.
Investiment u modernizzazzjoni għal settur sostenibbli
L-appoġġ finanzjarju huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-istrateġija tal-Gvern. Dan l-appoġġ jgħin lis-sajjieda jinvestu fil-bastimenti tagħhom u f’infrastruttura moderna fil-portijiet. L-għan huwa li jiġi ffaċilitat il-proċess tas-sajd u li s-sajjieda jkunu jistgħu jkomplu jikbru fis-settur marittimu.
Permezz ta’ fondi Ewropej, ġew varati diversi skemi li joffru opportunità kbira għas-sajjieda. Skemi bħal ‘Investimenti Abbord il-Bastimenti tas-Sajd’, ‘Bdil u Modernizzar ta’ Magni’, u ‘l-Iskema għal Diversifikazzjoni’ huma fost l-iskemi li bhalissa jinsabu miftuħa sabiex jaghtu c-cans lis-sajjieda jibbenefikaw minn fondi li jkompli jsahhah il-mistier taghhom. L-iskemi se jibqghu miftuha sal-ahhar tas-sena d-diehla jew sa meta jigu ezawriti l-fondi disponibli.
Kull tliet xhur, l-applikazzjonijiet sottomessi jiġu miġbura u evalwati, biex b’hekk is-sajjieda jkunu jistgħu jippjanaw l-investimenti tagħhom. Dawn l-iskemi jikkumplimentaw ukoll skemi nazzjonali, fosthom dik għar-Restawr ta’ Bastimenti tas-Sajd Tradizzjonali u l-Iskema għax-Xiri ta’ Rkaptu Sostenibbli. Dawn il-miżuri juru l-impenn tal-Gvern biex jgħin kemm lis-sajjieda li jixtiequ jmodernizzaw kif ukoll lil dawk li jridu jħarsu t-tradizzjoni Maltija.
Titjib infrastrutturali fil-portijiet tas-sajd
Minbarra l-għajnuna finanzjarja diretta, id-Dipartiment tas-Sajd qiegħed jaħdem b’ritmu mgħaġġel biex jindirizza l-ħtiġijiet infrastrutturali tas-sajjieda fil-portijiet. Dan ix-xogħol jinkludi t-twaħħil ta’ service pillars fil-portijiet, il-bdil u r-restawr ta’ winches, il-bini ta’ winch rooms ġodda, u l-installazzjoni ta’ hoists. Dawn is-servizzi huma essenzjali biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-effiċjenza tas-sajjieda.
Ix-xogħol li qed iwettaq id-Dipartiment jikkumplimenta wkoll proġetti kbar oħra li jsiru minn aġenziji bħal Infrastructure Malta. B’konsultazzjoni kontinwa bejn iż-żewġ partijiet, jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tas-sajjieda jiġu integrati f’proġetti infrastrutturali bħall-bini ta’ slipways, mollijiet, u breakwaters. Dan l-approċċ kollaborattiv jiżgura li l-investiment pubbliku jkun massimu u jilħaq l-għanijiet tiegħu.
Ħidma qawwija kontra s-sajd illegali
Dan l-aħħar waslu rapporti minn sajjieda Maltin dwar sajd allegatament illegali minn bastimenti Tuneżini fuq iċ-ċimi tagħhom. Bħala Gvern, ir-reazzjoni kienet immedjata. Grazzi għall-kollaborazzjoni mal-EFCA (European Fisheries Control Agency) u l-preżenza tagħhom abbord l-Ocean Sentinel, inkixfu attivitajiet illegali u saret azzjoni fil-ħin.
Huwa ċar li dawn l-abbużi mhumiex aċċettabbli. Il-Gvern se jkompli jkun vuċi qawwija kontra dawn il-prattiċi, kemm f’fora Ewropej bħall-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd, kif ukoll f’fora reġjonali bħall-GFCM (General Fisheries Commission for the Mediterranean).
Dan l-impenn huwa tant serju li wassal biex il-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Sajd, Costas Kadis, iżur lil Malta f’Ġunju, fl-ewwel xhur tal-mandat tiegħu, biex jisma’ personalment id-diffikultajiet tas-sajjieda Maltin.
Il-preżenza tal-bastiment “Ocean Sentinel” f’Malta diġà darbtejn f’dan l-istaġun hija xhieda tal-importanza li l-vuċi ta’ Malta qed tieħu f’dawn il-fora. B’aktar spezzjonijiet u kooperazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet Ewropej, il-Gvern se jkompli jiżgura li dawk li jinqabdu jwettqu sajd illegali jittieħdu passi konkreti kontrihom. Ir-regolament immexxi mill-MEP Malti Thomas Bajada se jkun għodda oħra biex dan l-infurzar jissaħħaħ aktar.
Gvern favur is-sostenn u għażla sostenibbli
Fl-aħħar nett, l-appell tiegħi huwa dirett lill-poplu Malti u Għawdxi. L-għażliet tagħna ta’ kuljum jagħmlu differenza kbira. Meta nagħżlu li nixtru u nikkunsmaw ħut frisk li jaqbdu s-sajjieda lokali tagħna, inkunu qed nagħtu sostenn dirett lilhom u lill-familji tagħhom. Dan mhux biss isaħħaħ l-ekonomija lokali imma juri wkoll apprezzament għax-xogħol iebes li jagħmlu dawn in-nies li kuljum joħorġu jaħdmu fuq il-baħar.
Il-Gvern qed jaħdem ukoll biex jippromwovi l-prodott lokali. Attivitajiet bħal Festa Tonn u ż-żewġ edizzjonijiet li ġejjin ta’ Festa Hut fid-19 u l-20 ta’ Settembru fil-Mellieħa u f’Marsaxlokk rispettivament, huma okkażjonijiet biex il-pubbliku jgawdi u japprezza l-ħut frisk.
Barra minnhekk, id-Dipartiment tas-Sajd ingħata fondi Ewropej biex matul it-tliet snin li ġejjin iwettaq kampanja edukattiva dwar speċi ta’ ħut li mhux daqstant popolari. Dan għandu l-għan li jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni, li hija aktar sostenibbli u spiss aktar affordabbli, filwaqt li żżomm valur nutrittiv għoli.
Billi nagħżlu l-ħut lokali, aħna qegħdin ninvestu fil-futur tas-settur tas-sajd Malti. Kull għażla li nagħmlu fuq il-mejda tagħna għandha impatt dirett fuq is-sajjieda, li bil-ħidma tagħhom, iżommu tradizzjoni ħajja u jagħtu kontribut siewi lill-ekonomija tagħna.