Stħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummissjoni Ewropea fost in-negozji u l-konsumaturi fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jindika li matul Jannar f’Malta kien hemm titjib qawwi fis-sentiment ekonomiku. Pajjiżna kellu valur tal-indiċi ta’ kunfidenza ekonomika 4% akbar mill-livell madwar l-Ewropa.
F’Malta s-sentiment fost il-familji huwa ferm aħjar mill-medja storika, u ferm aqwa mill-medja Ewropeja. Filfatt is-sentiment huwa l-aħjar minn Novembru 2021’l hawn f’Malta mentri fl-Unjoni Ewropea s-sentiment fost il-familji naqas. Maġġoranza ta’ wieħed minn kull għaxra ntervistati qallu li s-sitwazzjoni ekonomika tjiebet, mentri l-aspettativi fuq inflazzjoni qed jistabbilizzaw.
Il-maggoranza tal-familji f’pajjiżna sostnew li jemmnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se titjieb fix-xhur li ġejjin. Tant li ħafna bassru li sejrin jonfqu aktar fix-xhur li ġejjin u minkejja dan xorta qed jistennew li jżidu t-tifdil tagħhom fix-xhur li ġejjin.
Statistika tal-Bank Ċentrali ta’ Malta tindika li f’Diċembru li għadda d-depositi tal-familji mal-banek lokali laħqu l-figura rekord ta’ €18.2 biljun. Dan ifisser li bħala medja kull xahar kien hemm żieda ta’ €100 miljun s-sena li għaddiet. Din ir-rata hija tlett darbiet kemm kienu jiżdiedu d-depositi fl-2012.
Fis-servizzi wkoll kien hemm żieda qawwija kbira fil-kunfidenza, b’maġġoranza tal-azjendi f’pajjiżna sostnew li kellhom żieda fl-attivita fl-aħħar xhur u din se tkompli tikber. Tant li l-aspettativi fost l-operaturi fis-settur kienu ferm aħjar mill-medja storika, b’sentiment fost l-aqwa fl-Ewropa, fejn min-naħa l-oħra l-operaturi għandhom sentiment anqas mill-medja storika.
L-operaturi fis-settur tal-bejgħ f’Malta wkoll kien hemm titjib fis-sentiment, għalkemm baqa’ taħt il-medja storika. Is-sentiment fis-settur tal-bini tjieb b’mod qawwi ħafna, u qabeż il-medja storika.
Min-naħa l-oħra fl-industrija, il-kumpaniji ntervistati sostnew li l-produzzjoni naqset, u maġġoranza tal-azjendi qallu li qed jistennew li tkompli tonqos aktar fiż-żmien li ġej. Dan minħabba s-sitwazzjoni nternazzjonali negattiva. Dan wassal biex is-sentiment ekonomiku fost l-azjendi tal-manifattura jkun anqas mill-medja storika.