Jekk hemm xi ħaġa li l-Maltin żgur iħallu fiha t-timbru tagħhom hija l-imħabba lejn l-ivjaġġar u l-ikel. L-aqwa ċelebrazzjoni ta’ dan huwa ċertament il-festival internazzjonali tal-ikel li jinsab għaddej f’dawn il-ġranet fi Pjazza Tritoni. Skont it-tbassir tal-awtoritajiet dan il-festival mistenni jikseb ammont rekord ta’ viżitaturi din is-sena wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija.
Il-festival kien beda bl-ewwel edizzjoni tiegħu fl-2015 u ttella’ fl-Imdina u dakinhar kien irnexxielu jiġbed l-attenzjoni ta’ 5,000 viżitatur u mal-25 esebitur li offrew is-servizzi tagħhom lil dawk li attendew. Minn dakinhar dan il-festival ħa postu fil-kalendarju tal-akbar avvenimenti f’pajjiżna fl-edizzjoni tal-2019 kien hemm 80 esebitur li offrew is-servizzi tagħhom lil aktar minn 38,000 viżitatur. Wara nuqqas ta’ sentejn it-tbassir huwa li din is-sena jkun hemm aktar minn 45,000 viżitatur li jżuru dan il-festival li se jkun qiegħed joffri aktar minn 400 platt varjat.
Nemmnu li l-fatt li aktar minn 300 kok se jkunu qegħdin jinġabru f’post wieħed biex isajru dan l-ikel għandha sservi ta’ qanpiena dwar dak li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Catering ilha diversi xhur tisħaq dwaru. Minkejja li se nkunu qegħdin nippromwovu lil pajjiżna bħala lok b’talent lokali u li lest li jitħallat ma’ dak barrani biex joffri prodott kompetittiv, l-awtoritajiet ma jistgħux jinjoraw il-karba tas-sidien tal-istabbilimenti rigward in-nuqqas ta’ riżorsa umana.
Għandhom ikunu dawn l-avvenimenti li jedukaw lill-pubbliku dwar is-sodisfazzjon wara s-sagrifiċċju ta’ ċertu sigħat li jirrikjedi dan is-settur. Nafdaw fil-kelma tas-sidien li lesti li joffru pagi kompetittivi u dawn ma għandhomx jarmu din il-karta li tingħata lilhom biex jilagħbuha b’tali mod li jiżdied il-kummerċ u b’hekk ikunu jistgħu joħorġu pagi aħjar bla ma jkunu affettwati l-bwiet tagħhom. Dan ngħiduh għaliex konvintti li jekk jiżdied il-kummerċ u fl-istess ħin jitjieb is-servizz, is-sid se jżid fl-investiment u b’mod għaqli anke fil-qligħ tiegħu.
Rigward l-ikel. Mal-400 platt varjat minn madwar 50 cuisine differenti turi l-livell ta’ dan il-festival li baqa’ jikber fil-popolarità tiegħu. Imma minkejja dan il-kobor kollu, il-mistoqsija hija kemm se nkunu qegħdin nippuppaw sidirna għal dak li hu tradizzjonalment Malti? Kemm se nħallu impatt fuq it-turist li jiġi hawn, iduq l-ikel tagħna u jmur pajjiżu jxerred il-kelma ta’ dak li kapaċi toffri din id-daqsxejn ta’ gżira? Nemmnu li kollox jiddependi minna. Huwa tajjeb li pajjiżna jippromwovi ikel varjat. Tajjeb li pajjiżna jagħti stampa ċara tal-inklużjoni anke f’dan is-settur, b’talenti ta’ riżorsa umana li ġejja minn barra, anke jekk sfortunatament tlifna xi nies matul il-perjodu tal-pandemija. Iżda fl-istess waqt dan u l-mument li pajjiżna jerġa’ jibda jiftaħ il-bibien tiegħu lil dawk li kellhom għal qalbhom dan is-settur, iżda tgerrxu minħabba għeluq fi żmien il-pandemija. Nemmnu li din tista’ tkompli tagħti dik l-ispinta li hemm bżonn biex il-Maltin iħossuhom aktar komdi meta jiġu biex ipoġġu f’ristorant u jitolbu fost affarijiet oħra pariri fuq x’għandhom jagħżlu, u fl-istess waqt jagħmlu dan bil-lingwa li nisslithom… il-lingwa Maltija.
Nemmnu wkoll li l-kok għandu jippromwovi l-prodotti lokali għall-kċina Maltija. B’dan il-mod mhux biss inkunu ta’ sostenn għall-bdiewa u r-raħħala Maltin li xi kultant jaqbdu se jwarrbu mis-settur minħabba għeja ta’ kompetittività, iżda ngħinu lill-poplu jagħraf kif jista’ jnaqqas ċertu importazzjoni. Sa minn xhur ilu, kellna Ministri li bassru li pajjiżna – minħabba l-pożizzjoni geografika tiegħu – kien se jkun milqut direttament mill-prezzijiet tat-trasport u dan minħabba li ħafna mill-affarijiet ikkunsmati f’pajjiżna huma impurtati. Ma nistgħux nagħmlu mod ieħor u għalhekk iż-żidiet kontinwi fl-importazzjoni ta’ prodotti qed ikunu bħal daqqiet ta’ sikkina li qed iħallulna ġrieħi li uħud minnhom nistgħu nevitawhom u oħrajn jekk ma nistgħux nilqgħuhom tal-inqas naraw li ma jħalluniex tal-post.
Il-poplu Malti għandu jemmen aktar fil-prodott lokali u meta jiġi biex jagħżel minn fuq l-ixkaffa għandu jikkunsidra l-ġenwinità tal-prodott lokali meta kkumparat ma’ dak impurtat.
Nemmnu bis-sħiħ f’dak li hu Malti u nemmnu wkoll fil-kapaċitajiet tal-bdiewa, ir-raħħala u produtturi Maltin. Nifhmu li bħala gvern, fl-aħħar snin ħareġ għajnuniet finanzjarji lil dawn in-nies li jwasslulna l-ikel fuq l-imwejjed, iżda żgur li mhux biżżejjed għas-sagrifiċċji li jagħmlu biex jibqgħu jegħlbu l-isfidi kollha f’dan il-proċess. Ma rridux immorru wisq ’il bogħod… Meta pajjiżna għalaq l-ajruporti, minkejja li ma għalaqx il-portijiet, kien hawn domanda kbira fuq fomm kulħadd u din kienet kif nistgħu bħala poplu ngħixu minn dak li nipproduċu lokalment. Irridu ninċentivaw lil dawn in-nies biex iżidu fil-produzzjoni u mhux inkissruhom bi frażijiet bħalma spiss nisimgħu rigward preferenza fi prodotti impurtati meta niġu biex nagħmlu x-xirja tagħna. Jaf għada pitgħada nħabbtu bieb residenza li fiha jew ma jkun għad fadal ħadd, jew min ikun fadal jirrifjuta li jwieġeb għax ikun tilef kull tama.