Fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-Gvern kellu deficit ta’ €102 miljun. Dan kien l-aqwa riżultat finanzjarju li kien osservat għall-ewwel ħdax-il xahar tas-sena mill-2019’l hawn. B’kuntrast fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista d-defiċit sa’ Novembru kien laħaq €342 miljun. Imma l-agħar riżultat qatt osservat kien fl-ewwel ħdax-il xahar tal-2009, meta d-defiċit kien mess il-€410 miljun.
Kumparat mal-istess żmien is-sena li għaddiet, din is-sena kien hemm titjib ta’ €244 miljun fil-finanzi pubbliċi. Dan it-titjib qawwi bla preċedent, li hu ferm aktar minn dak antiċipat fil-baġit, seħħ għax id-dħul tal-Gvern kiber b’rata ferm akbar milli żdied il-ħruġ.
Filfatt id-dħul tal-Gvern kiber b’rekord ta’ €1,044 miljun jew b’aktar minn 18%. Il-maġġorparti taż-żieda kienet dovuta għal dħul akbar mill-income tax, mill-bolla u mill-VAT. Dan kien jirrifletti t-tkabbir ekonomiku sostnut tal-ekonomija Maltija.
L-ispiża tal-Gvern kibret b’anqas miż-żieda fid-dħul, bi tkabbir ta’ €800 miljun. Kważi kwint ta’ din iż-żieda kienet dovuta għat-titjib fil-benefiċċji soċjali, nkluż pensjonijiet u children’s allowance. Kien hemm ukoll żieda fl-ispiża fuq pagi, frott titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ diversi kategoriji ta’ ħaddiema fis-servizz pubbliku. Dan minbarra żieda fl-investiment kapitali, li qabeż tlett kwarti ta’ biljun ewro fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena.