Sunday, December 22, 2024

L-aqwa riżultati finanzjarji għall-Gvern fl-ewwel xahrejn tas-sena

Aqra wkoll

Ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirrivelaw li l-ewwel xahrejn ta’ din is-sena immarkaw l-aqwa riżultat qatt osservat fil-finanzi pubbliċi fl-istorja. Dan hekk kif kien hemm surplus ta’ €151 miljun. Dan ifisser titjib ta’ terz kumparat mal-istess perijodu sena ilu.

Kien biss fl-2015, l-2017, l-2018 u s-sena li għaddiet li l-Gvern irnexxielu jkollu dħul aktar minn ħruġ fl-ewwel xhur tas-sena. Fil-bqija tas-snin, speċjalment taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, dawn ix-xahrejn kienu jkunu xahrejn ta’ deficits qawwija. Per eżempju fl-2013 Gvern Nazzjonalista waqt kampanja elettorali kien għamel deficit ta’ €104 miljun. Fl-ewwel xahrejn tal-2008, anke dakinhar wara kampanja elettorali, Gvern Nazzjonalista kien għamel deficit ta’ €143 miljun. B’kuntrast fl-ewwel xahrejn tal-2022, Gvern Laburista waqt kampanja elettorali kien naqqas id-deficit minn €309 miljun għal €81 miljun.

Waqt li bħalissa l-Gvern Malti qed jonfoq miljun kbar f’sostenn lill-familji biex iżomm il-prezz tal-fjuwil stabbli u anke jżomm kontijiet tad-dawl l-anqas fl-Ewropa, fl-2009 meta Gvern Nazzjonalista kien tefa piżijiet esaġerati fuq il-familji, dakinhar kien osservat deficit ta’ €200 miljun. Dan b’kuntrast tas-surplus ta’ €151 miljun osservat din is-sena.

Hekk joħroġ ċar is-suċċess tal-politika progressiva tal-Gvern immexxi minn Dr Robert Abela. Min-naħa l-awsterita ta’ Gvern Nazzjonalista, li għadha l-politika ekonomika mħaddna mill-Oppożizzjoni, waslet għal deficits qawwija u staġnar ekonomiku. Mill-oħra l-politika progressiva li wasslet għal tkabbir ekonomiku u b’hekk għall-aqwa riżultati finanzjarji għall-Gvern.

It-tkabbir ekonomiku filfatt wassal għal dħul rekord għall-Gvern. Id-dħul tal-Gvern filfatt kważi laħaq €1.2 biljun f’xahrejn biss. Dan huwa 15% aqwa mir-rekord preċedenti. L-akbar impatt kien fid-dħul mill-income tax. Dan tela’ għal €541 miljun, jew id-doppju ta’ sentejn ilu. Anke d-dħul mill-bolla sploda ‘l fuq għax żdiedu l-ammont ta’ persuni jaħdmu, kif ukoll il-pagi tagħhom. Kien hemm ukoll żidiet tajba fejn tidħol VAT u dħul minn liċenzji.

Grazzi għal din iż-żieda kbira fid-dħul, il-Gvern seta jiffinanzja l-akbar spiża rikurrenti u kapitali fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja l-infiq tal-Gvern fl-ewwel xahrejn tas-sena qabeż il-biljun ewro.

L-investiment kapitali tela’ għal rekord ta’ €62 miljun. Dan kien jirrifletti aktar proġetti fit-toroq kif ukoll aktar investiment f’makkinarju, kif ukoll fl-infrastuttura marittima ta’ pajjiżna.

Anke l-ispiża rikurrenti żdiedet sostanzjalment, b’aktar minn 10%. Hawnhekk l-akbar impatt kien fl-allokazzjoni għal benefiċċji soċjali. Dan hekk kif ingħatat l-għola żieda fil-pensjonijiet filwaqt li saru pagamenti sostanzjali grazzi għall-mekkaniżmu addizjonali kontra l-għoli tal-ħajja.

Ir-riżultati għall-ewwel xahrejn tas-sena jippromettu tajjeb għall-andament tal-finanzi pubbliċi din is-sena.

Ekonomija

Sport