“L-avvanzi li saru f’dawn l-aħħar snin fit-teknoloġija, speċjalment fil-qasam mediku-ġerjatriku, qed jippermettu lill-anzjani jgħixu iktar, jibqgħu aktar attivi u jgħixu ħajja ta’ kwalita’. Dan narawh mill-mijiet ta’ anzjani li ta’ kuljum jattendu għal xi appuntament fiċ-ċentru kliniku ta’ matul il-jum f’San Vinċenz de Paul.
Noleen Vella, Jahel Brook u Carmen Gauci, mid-Day Clinic f’San vinċenz de Paul jgħidulna “Hawn jiġu kemm residenti, kif ukoll anzjani li jgħixu fi Djar tal-Anzjani u oħrajn li għadhom jgħixu fil-komunita’. Naraw bżonnijiet differenti, kundizzjonijiet mediċi differenti, individwi kollha bil-każi differenti tagħhom”.
Huma qalu li l-prijorita’ tal-ġurnata hija li jassiguraw li dawn l-anzjani jiġu moqdija bl-aqwa mod possibbli. “Wara li tgħaddi l-ġurnata, għalkemm inkunu xi ftit jew wisq għajjenin, inħossuna sodisfatti li l-ġurnata tagħna tajniha mill-aħjar li stajna”.
Bl-avvanzi li saru, illum, San Vinċenz de Paul huwa ċentru ta’ eċċellenza fejn tidħol il-kura tal-anzjani. L-impenn biex jintlaħqu l-ħtiġijiet fil-kura tas-saħħa, li kull ma jmorru qegħdin dejjem jevolvu, għamel pass sinifikanti, bil-ftuħ ta’ diversi kliniċi speċjalizzati li jinsabu fiċ-ċentru kliniku ta’ matul il-jum.
Il-kliniċi, mgħammra b’faċilitajiet mill-aqwa tal-aħħar teknoloġija, huma ffurmati minn timijiet multi-dixxiplinarji ta’ professjonisti minn San Vinċenz u minn Mater Dei li flimkien jagħtu kura speċjalizzata u integrata lill-anzjani, kollha taħt saqaf wieħed.
Dan qed iwassal biex jitnaqqsu ż-żjarat fl-emerġenza u d-dħul fl-isptarijiet, kif ukoll biex l-anzjani jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti. F’kumment lil talk.mt, il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Jorgen Souness qal li hemm diversi proġetti ppjanati biex San Vinċenz ikompli jespandi s-servizzi tiegħu.
“Fil-ġranet li ġejjin, se nkunu qed illestu razzett terapewtiku li se jkollu fih annimali li normalment insibu f’irziezet Maltin, piċċ tal-boċċi għar-residenti u se nkomplu naħdmu fuq il-ftuħ ta’ aktar dipartimenti kliniċi fiż-żmien li ġej.