Saturday, October 26, 2024

“L-aqwa simulatur tas-sewqan” ta’ Volvo Cars bl-aħħar teknoloġija tal-logħob għal karozzi aktar siguri

Aqra wkoll

L-inġiniera ta’ Volvo Cars isejħulu “l-aqwa simulatur tas-sewqan”, imma ma jservix biss ta’ skuża għalihom biex jagħmluha aktar tal-gamers li jħossu li huma. Minflok, is-simulatur innovattiv ta’ realtà mħallta tal-kumpanija Żvediża jintuża biex jittieħdu passi ġodda fil-qasam tat-teknoloġija tas-sewqan sigura u awtonoma.

Kull gamer serju jgħir għal dan it-tagħmir – siġġu fejn ipoġġi s-sewwieq li jiċċaqlaq, stering li jirrispondi għall-mess u headset tar-realtà virtwali – imma s-simulatur ta’ Volvo Cars jestendi dan il-kunċett lil hinn, u jagħmilha diffiċli ħafna li wieħed jagħraf ir-realtà mis-simulazzjoni, u dak, fil-fatt, hu l-punt tiegħu.

Bl-użu tal-aħħar teknoloġija mill-pjattaforma Unity, pjattaforma ewlenija tal-iżvilupp 3D fil-ħin reali, u l-aħħar teknoloġija mill-esperti Finlandiżi tar-realtà virtwali u mħallta Varjo, is-simulatur jinvolvi s-sewqan ta’ karozza vera f’toroq veri. Iħallat grafiċi 3D ta’ definizzjoni għolja u li jixbhu r-realtà, headset tar-realtà miżjuda, u Teslasuit għall-ġisem kollu li tipprovdi rispons reattiv għall-mess minn dinja virtwali, filwaqt li timmoniterja r-reazzjonijiet tal-ġisem.

Din it-taħlita ta’ software u hardware tippermetti li l-inġiniera ta’ Volvo Cars jissimulaw xenarji tat-traffiku bla tmiem fi triq reali fejn isiru t-testijiet, bl-użu ta’ karozza reali, u dan kollu f’sigurtà assoluta. L-inġiniera jistgħu jiksbu għarfien importanti fuq l-interazzjoni bejn in-nies u l-karozza sabiex jiżviluppaw karatteristiċi ġodda ta’ sigurtà, ta’ għajnuna għas-sewwieq u għal sewqan awtonomu.

Dawk li jagħmlu t-test jistgħu jkunu esposti għal karatteristiċi immaġinati ta’ sigurtà attiva u ta’ għajnuna lis-sewwieq, għal apparat ġdid ta’ sewqan awtonomu, għal mudelli futuri tal-karozzi u ħafna xenarji oħra. Jista’ jintuża f’toroq fejn verament isiru t-testijiet, jew ġol-laboratorju tat-testijiet, u kull xenarju jista’ jiġi addattat kompletament skont il-każ. Il-possibbiltajiet litteralment ma jispiċċaw qatt.

 “L-aqwa simulatur” ta’ Volvo Cars intwera lbieraħ waqt attività li xxandret b’mod dirett mill-Open Innovation Arena ta’ Volvo u li ġiet ippreżentata minn tim tal-esperti tal-innovazzjoni tal-kumpanija. Tista’ tara l-attività minn HAWN.

Is-sena li għaddiet, flimkien ma’ Varjo, Volvo Cars saret l-ewwel kumpanija li tagħmel il-karozzi li għamlitha possibbli li tinstaq karozza vera waqt li wieħed ikun liebes headset tar-realtà mħallta. Issa l-kollaborazzjoni espandiet biex tinkludi lil Unity u lil Teslasuit, li jagħmlu suit għall-ġisem kollu li tirrispondi għall-mess.

Skont Casper Wickman, il-mexxej anzjan tal-Esperjenza tal-Utent fl-Open Innovation Arena tal-Volvo, u wieħed minn dawk li ppreżentaw ix-xandira diretta, dan jgħin lil Volvo Cars biex tistudja reazzjonijiet umani awtentiċi f’ambjent sigur u bi ftit mill-prezz ta’ test veru.

“Li naħdmu ma’ kumpaniji tajbin bħal Varjo, Unity u Teslasuit tana l-opportunità li nittestjaw tant xenarji li jidhru u jinħassu kompletament veri, mingħajr ma kellna fiżikament nibnu xejn,” jgħid Casper Wickman. “Ikollna ċ-ċans immorru dawra b’karozzi veri minn xenarji tat-traffiku li jidhru u jinħassu reali, imma li jistgħu jkunu aġġustati b’għafsa ta’ buttuna.”

Fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ sigurtà għall-karozzi, bħal teknoloġija li tara li jiġu evitati l-ħabtiet, l-ittestjar huwa kruċjali. Imma l-ittestjar ta’ dawn is-sistemi fir-realtà jista’ jkun ta’ periklu, jieħu ħafna ħin u jiswa l-flus. Madankollu, simulazzjonijiet ta’ realtà virtwali u ta’ realtà mħallta jippermettu li jsir ittestjar sigur f’ambjenti awtentiċi, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jinbnew prototipi fiżiċi jew li jinħolqu xenarji kumplessi.

“Billi nużaw teknoloġija innovattiva, qegħdin nesploraw u mmexxu l-iżvilupp biex jinħolqu karozzi siguri għall-futur. Nieħdu gost li għandna sehem f’dan,” qal Casper Wickman.

Segwi r-rikording sħiħ li xxandar b’mod dirett hawn u niżżel il-filmat b’sommarju tal-attività hawn.

It-teknoloġija murija:

Headset tar-Realtà Mħallta ta’ Varjo

Is-sena li għaddiet, Volvo Cars, flimkien ma’ Varjo, saret l-ewwel kumpanija li tagħmel il-karozzi li għamlitha possibbli li tinstaq karozza vera waqt li wieħed ikun liebes headset tar-realtà mħallta. Il-headset Varjo XR-1 Developer Edition juża kameras li jattwaw ir-realtà mħallta u jipprovdi realtà mħallta jew realtà virtwali f’riżoluzzjoni ta’ definizzjoni għolja. Bil-headset Varjo XR-1, l-oġġetti u l-ambjenti maħluqin f’Unity jistgħu jkunu integrati fid-dinja reali bla tfixkil.

Teslasuit

Permezz tal-applikazzjoni ta’ forzi, vibrazzjonijiet, jew ċaqliq, it-teknoloġija li tirrispondi għall-mess tagħmilha possibbli li l-esperjenza tal-mess meta jkun hemm interazzjoni mad-dinja virtwali, tinħoloq mill-ġdid. Billi jilbsu s-suit avvanzata, li tintlibes fil-ġisem kollu, li tirrispondi għall-mess ta’ Teslasuit, dawk li jkunu qegħdin jittestjaw is-simulazzjoni ta’ Volvo jistgħu fiżikament iħossu riproduzzjonijiet żgħar tad-daqqa li wieħed jesperjenza waqt ħabta, filwaqt li ma jesperjenza l-ebda periklu propju. Is-suit tippermetti wkoll lill-inġiniera ta’ Volvo li jittestjaw dawn ir-reazzjonijiet billi jistudjaw kif il-muskoli, il-livelli ta’ stress, u l-qalb jirreaġixxu taħt stress, u japplikaw dak li jsiru jafu biex joħolqu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ sistemi ta’ sigurtà bil-għan li jiġu evitati u mitigati sitwazzjonijiet perikolużi.

Magni ta’ Simulazzjoni ta’ Unity

Ix-xenarji ta’ simulazzjoni jinħolqu bl-użu tal-aħħar software 3D tal-ħin reali ta’ Unity, il-kumpanija wara waħda mill-aktar pjattaformi ta’ żvilupp tal-video games popolari fid-dinja. Permezz ta’ Unity, l-esperti ta’ Volvo jistgħu joħolqu ambjenti u oġġetti virtwali x’jintużaw f’simulazzjonijiet, jew ipoġġu mudell 3D preċiż ta’ kwalunkwe disinn ta’ karozza ta’ Volvo fi kwalunkwe ambjent virtwali, filwaqt li jassessjaw id-disinn f’dawl, postijiet u temp differenti.

Sport