Sunday, March 8, 2026

L-aqwa sondaġġ…

- Minn Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Sondaġġi jew research huma għodda komuni ħafna fost l-istudenti kollha tal-università. Ħafna minn dak kollu li nagħmlu llum huwa bbażat fuq riċerka. Riċerka li ssir biex permezz tagħha tkun tista’ tippjana sew dak li tkun qed tistudja u tidħol fil-fond dwar dak li nstab barra minn Malta huwiex simili jew le f’Malta u Għawdex. Dan tkun tafu biss billi tagħmel riċerka u r-riżultati tar-riċerka tkun tista’ tqabbilhom ma’ dawk li nġabu f’pajjiżi oħrajn. 

Fir-riċerka tista’ tuża diversi għodod, fosthom il-kwantitattiv u l-kwalitattiv, studju fil-fond ta’ xi każ partikolari. Hawn taqbad każ partikolari u tistudjah sew fil-fond u tipprova ssib risposti għaliex, kif u meta saru l-affarijiet li saru. Hemm ukoll metodu ieħor billi toqgħod tosserva x’ikun qed jiġri f’dak is-settur jew suġġett li tkun qed tistudja. Ir-riċerka hija għodda importanti ħafna għax permezz tagħha tkun tista’ tkun taf is-sitwazzjoni f’dak il-mument li tkun għamiltha kif tkun.

Metodi biex issib aktar il-verità

Hemm imbagħad metodi li permezz tagħhom tkun tista’ ssib iktar il-verità billi tqabbel iktar minn metodu wieħed ta’ riċerka u r-riżultati li tkun ġbart biex imbagħad il-konklużjonijiet li tkun qed tagħmel ikunu dejjem eqreb lejn il-verità u lejn kif tkun is-sitwazzjoni ta’ dak il-ħin li tkun għamilt ir-riċerka fihom. 

Hemm il-kwantitattiv li ħafna drabi jintuża għar-riċerka fis-sondaġġi li jsiru biex persuna tagħraf il-ħsieb tal-poplu fuq il-qagħda politika tal-pajjiż. Tajjeb li ngħidu li anke hawn hemm metodi li trid tuża biex ikun verament qed jippreżenta dak li qed taħseb is-soċjetà fil-mument li jsir, bħalma ngħidu aħna l-għażla tan-numru ta’ nies li jiġu mistoqsija l-mistoqsijiet. 

Stampa għal dak li jkun qed jiġri fis-soċjetà

Bla dubju kif tistgħu tifhmu, ikbar ma jkun in-numru ta’ nies li jirrispondu l-mistoqsijiet, iktar ir-riżultat sejjer ikun lejn dak li qed jaħsibha l-poplu. Ma’ dan il-fatt hemm ukoll lil min qed jiġu mistoqsija l-mistoqsijiet u meta wieħed ikun irid iġib stampa qrib dak li qed jiġri verament fis-soċjetà, allura l-kampjun ta’ nies li jistaqsi jkun jirrifletti kif verament hija mqassma s-soċjetà. 

Faċli nifhmu. Jekk jien nagħmel riċerka u din ir-riċerka nsib 1,000 anzjan u nkellem lilhom, nista’ ngħid kif qed jaħsbuha l-anzjani fuq dak li saqsejthom, imma dak ma jkunx qed jirrifletti dak li qed taħsibha s-soċjetà. Allura, il-kampjun irid ikun magħżul minn persuni li jippreżentaw is-soċjetà kollha: żgħażagħ, irġiel, nisa u anzjani. Ukoll jekk jien nagħmel suntagg u nistaqsi n-nies ta’ Bormla x’jaħsbu, ir-riżultat nista’ nbassar li jkun sejjer jirrifletti favur il-Partit Laburista għaliex Bormla hija fortizza Laburista. Tant ieħor jekk jien nagħmel suntagg Ħal Balzan u nistaqsi elf persuna l-mistoqsijiet tiegħi, żgur li r-riżultat se jkun favur il-Partit Nazzjonalista għax Ħal Balzan hija fortizza Nazzjonalista. Anke hawn mela min sejjer jagħmel ir-riċerka jekk irid li jkollu riflessjoni ta’ stampa nazzjonali, il-kampjun magħżul biex jirrispondu l-mistoqsijiet tiegħu jridu jerġgħu jkunu mqassmin f’reġjuni u postijiet differenti minn Malta u Għawdex. 

Jien ngħid il-verità li nafda ħafna fil-mod kif il-Professur Marmarà jagħmel din ir-riċerka. Riċerka importanti għax permezz tagħha jkollna termometru ta’ kif sejjer il-pajjiż u fejn irridu nkomplu nirrangaw ħalli nkomplu ntejbu fejn sejjer tajjeb u nkomplu nbiddlu fejn sejjer inqas tajjeb.

Onestament ngħid li bħal kull biċċa għodda oħra r-riċerka u s-sondaġġi u r-riżultati li takkwista jistgħu jintużaw u jiġu mmanipulati jekk ir-riċerkatur ma jkunx serju jew ikollu aġenda li permezz tar-riżultati tas-sondaġġii li jkun qed jagħmel ikun irid japprova. Għalhekk jien għandi fiduċja sħiħa fis-serjetà u l-istandard li jżomm fir-riċerka tiegħu l-Professur Marmarà. 

Mhux qed ngħid li skejjel oħrajn li jagħmlu r-riċerka mhumiex tajbin ukoll, mela le, hemm skejjel oħrajn tajbin, pero ejja ngħidu kif inhi llum il-Professur Marmarà, il-mod kif jagħmel ir-riċerka, ir-riżultati li jġib u wara anke meta tqabbel dawk ir-riżultati mar-realtà li jiġri fis-soċjetà. Nistgħu ngħidu li huwa awtorità fir-riċerka u l-istudji tiegħu għandhom metodoloġija li ma tistax tikkritika jew tmaqdarha.

Il-kuntatt mal-poplu

Jekk tkun qrib in-nies kif huwa l-Prim Ministru Abela, allura sejjer ikollu feedback dirett mill-poplu b’mod kontinwu. Apparti minn hekk, ftit huma l-pajjiżi fid-dinja li kważi l-poplu kollu jkollu l-email address u t-telefon tal-Prim Ministru tiegħu li jibgħatu email jew jikkomunika miegħu b’wieħed minn dawn il-mezzi u l-Prim Ministru jwieġbek wara ftit ħin. 

Aħna vera fortunati li għandna Prim Ministru daqshekk aċċessibbli li nistgħu nitkellmu miegħu dwar dak li jaffettwana kuljum. Allura żgur li l-istampa ta’ kif qed jiġi affettwat il-poplu b’dak li qed isir qed tkun ċara quddiem il-Prim u għalhekk l-istess Prim jisħaq fuq politika li tkun qrib il-poplu. Imma ma jkunx qrib il-poplu biss għax jirċievi messaġġi u jitkellem man-nies b’mod kontinwu. 

Huwa personalment jagħmel mezz li jkun qrib in-nies ħafna drabi kuljum u f’ħafna okkażjonijiet differenti. Filli jkun fuq il-monti jitkellem mal-poplu hemm, ftit wara jmur iżur xi proġett li jkun qed isir, jidħol l-uffiċċju u jkompli jiddeċiedi, jikkordina u jiltaqa’ ma’ iktar persuni, imur il-Parlament, jinżel xi laqgħa l-Kwartieri tal-partit, jerġa’ jmur lura l-uffiċċju u jkompli bil-laqgħat u bix-xogħol hemm. Dan barra d-delegazzjonijiet li jiltaqa’ magħhom u s-safar li jkollu jagħmel biex jitkellem mal-mexxejja l-oħrajn Ewropej fit-tmexxija ta’ kuljum tal-kontinent Ewropew.

Prim Ministru sensittiv

Hekk ikollok l-istampa ċara ta’ x’qed jiġri u x’qed jdejjaq jew iferraħ lin-nies. Nammira ħafna kemm għandna Prim Ministru sensittiv fuq affarijiet li jolqtu lill-poplu tagħna u l-iktar ħaġa li nammira hija li dawn il-problemi jew diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom ma jdawwarx wiċċu n-naħa l-oħra qisu taparsi ma rahomx, imma jidħol fid-dettall biex dawk is-sitwazzjonijiet li jkunu jridu jiġu rrangati jew isiru aħjar, dan isir. X’differenza minn mexxejja oħra. 

Konna nitkellmu fuq kemm kellna nies qed ibatu u għaddejjin minn problemi finanzjarji u kemm attwalment kellna nies fil-faqar. Il-mexxejja Nazzjonalisti minflok kienu jaraw x’qed ngħidu, kemm hija verità dak li qed ngħidu u kemm hawn nies affettwati mis-sitwazzjonijiet li konna nitkellmu fuqhom. Tafux x’kienet tkun ir-risposta? Il-faqar PERĊEZZJONI!!! U min għandu jiekol u min ma għandux jagħmel hu. Konna nitkellmu fuq il-fatt li l-prezzijiet kienu qed jogħlew, tiftakru x’kienu jweġbuna? Ħeqq, iddur minn hawn għal ieħor u fejn issibu l-irħas ixtruh!!!

Is-sondaġġi jibqgħu għodda importanti imma l-aqwa sondaġġ jibqa’ dejjem l-elezzjoni ġenerali u r-riżultat tagħha aħna dejjem irrispettajna, aċċettajna u qgħadna għall-ġudizzju tal-poplu.

Sliem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport