Tul is-snin Malta ibbenefikat b’mod sostanzjali mill-fondi li pajjiżna kiseb mill-Fond Reġjonali Ewropew għall-Iżvilupp (ERDF). Dan il-fond għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jnaqqas kemm jista’ jkun id-differenzi bejn reġjun u ieħor fil-kontinent Ewropew. Malta rnexxielha tikseb flus minn dan il-Fond biex timmodernizza l-infrastruttura, tkattar il-kompetittivita u ttejjeb il-kwalita tal-ħajja tan-nies.
Fl-aħħar jiem kelli l-opportunita li nkun preżenti għat-tnedija ta’ proġett li permezz tiegħu se nkunu qegħdin ninvestu €2 miljun, fil-parti l-kbir tagħhom mill-Fond Reġjonali Ewropew għall-Iżvilupp bil-għan li ntejbu l-ħajja tat-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin billi nipprovdu servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku u terapewtiku direttament fl-iskejjel t’Għawdex.
Dan il-proġett, magħruf bħala Blossom, ġie inawguraw fil-preżenza tal-kollega Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima u l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca li permezz tal-Fondazzjoni li hija tmexxi, il-Malta Trust Foundation qed jirnexxielha tkun ta’ sostenn kbir għal tfal u żgħażagħ vulnerabbli u żvantaġġjati. Il-ħidma tal-President Emeritu u l-Fondazzjoni tagħha huma ta’ ispirazzjoni għal kulħadd biex naħdmu għal soċjeta aktar ġusta u sensittiva lejn il-bżonnijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-Proġett Blossom huwa bbażat fuq esperjenza li diġa saret f’Malta iżda issa ġewwa Għawdex, se jkun qiegħed jiffoka fuq ħtiġijiet speċifiċi. Nafu li f’Għawdex għad għandna stigma aktar qawwija meta nitkellmu dwar is-saħħa mentali. Għalhekk, permezz ta’ intervent bikri fil-klassi u fil-ħinijiet tal-iskola huwa essenzjali li nilħqu lill-istudenti fil-ħin u noffrulhom l-appoġġ li jkollhom bżonn.
Illum jeħtieġ ngħarfu li anke minn eta żgħira, it-tfal jistgħu jkunu esposti għal pressjonijiet kbar u xi drabi eżawrenti. Jiltaqgħu ma’ problemi fil-familja, diffikultajiet fir-relazzjonijiet ma’ sħabhom u tensjonijiet oħra ta’ kuljum li jistgħu ikunu ta’ piż serju fuq il-benesseri tagħhom. Permezz tal-Proġett Blossom dawn l-isfidi jistgħu jiġu attakkati mill-bidu nett biex is-saħħa mentali tat-tfal tiġi protetta u b’hekk ikollhom opportunita mill-aqwa għall-iżvilupp personali u akkademiku tagħhom.
L-investiment ta’ €2 miljuni mill-ERDF f’dan il-proġett ipoġġi l-pedament għal politika sostenibbli li tibqa’ tgħin lill-istudenti f’kull stadju tal-edukazzjoni tagħhom. L-għan tal-proġett huwa li jinħoloq mudell li jservi ta’ gwida għal politika nazzjonali li għandha tkun segwita f’dan il-qasam. Nemmnu bis-sħiħ li l-istigma dwar is-saħħa mentali għandha tkun indirizzata b’mod miftuħ u matur u dan jista’ jsir jekk nibdew mit-tfal f’eta żgħira.
Dan huwa investiment mill-aqwa li qed nagħmlu fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Investiment fil-preżent u l-ġejjieni ta’ pajjiżna. Ħidma b’kollaborazzjoni sħiħa li se tagħti l-frott u twassal biex aktar tfal u żgħażagħ jirmexxu.

