Godfried Narh Okunor, xufier mal-Malta Public Trasport ġie magħżul bħala l-Aqwa Xufier tal-linja għal dik li hija effiċjenza. Hu ngħata dan ir-rikonoxximent wara li kiseb l-aħjar punteġġ għal 3 darbiet konsekuttivi minn fost aktar minn 900 xufier tal-linja.
Huwa kien ippreżentat bi premju speċjali mill-Maniġer Ġenerali ta’ Malta Public Transport fil-preżenza tal-Kummissarju Għoli tal-Ghana f’Malta Barbara Akoukor Benisa.
Il-Malta Public Transport kull tlett xhur tippremja lix-xufiera tal-karozzi tal-linja li jiksbu l-aqwa riżultati f’termini ta’ sigurtà, effiċjenza u kumdità tal-passiġġieri.
Kull vjaġġ jiġi vvalutat f’ħin reali permezz tat-teknoloġija ta’ assistenza tas-sewwieq, fi sforz biex is-sikurezza tinżamm bħala prijorità ewlenija waqt li jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet u l-klijenti jkunu provduti bi vjaġġ aktar komdu.
Il-Manager Ġenerali Konrad Pule qal li “dawn il-premjijiet huma okkażjoni biex niċċelebraw u nippremjaw lill-kollegi tagħna li għamlu l-almu tagħhom biex itejbu l-esperjenza tal-passiġġieri tagħna, isuqu b’mod sigur u effiċjenti. Nixtieq nifraħ lil Okunor għall-imġieba eżemplari tiegħu u lit-63 xufier tal-linja kollha li kisbu l-ogħla klassifikazzjoni fl-aħħar kwart tas-sena u nħeġġeġ lill-kollegi tagħhom biex isegwu l-eżempju tagħhom.”