Saturday, December 28, 2024

L-Arċidjoċesi tissospendi applikazzjoni għar-rijabilitazzjoni ta’ binja

Aqra wkoll

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ssospendiet applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex tiġi rijabilitata proprjetà abbandunata fir-Rabat. Fi stqarrija maħruġa mill-Kurja ntqal li dan qiegħed isir sabiex jiġu ċċarati xi punti mqajma mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u li kienu s-suġġett ta’ “rapporti skorretti” fil-media. 

L-applikazzjoni mressqa mill-Arċidjoċesi tipproponi li residenza ta’ sular wieħed terġa’ ssir abitabbli. Dan wara li ttieħdet lura minn persuni li kienu okkupaw il-post illegalment. Qed jiġi propost ukoll li jiġu indirizzati l-illegalitajiet li twettqu mill-istess persuni fuq dan is-sit, li jinsab biswit proprjetà ta’ terzi u viċin binjiet oħra. 

L-interventi proposti la se jbiddlu l-footprint tal-binja eżistenti u lanqas mhu se jiżdiedu sulari oħra. Għall-kuntrarju, ir-rijabilitazzjoni se ttejjeb din iż-żona u tirrispetta aktar l-ambjent tal-madwar. 

Il-miżuri jinkludu l-bdil ta’ saqaf eżistenti tal-konkos ta’ aktar minn 50 metru kwadru u floku jsir saqaf tal-injam bl-insulation; ir-restawr ta’ taraġ tal-ġebel li jinsab fuq barra; u l-bini ta’ ġibjun li se jieħu kwazi nofs il-post ta’ gallinar mitluq li kien hemm qabel. Il-ġibjun se jintuza għat-tisqija tal-ġnien. 

Fuq din l-art mhu se jsir l-ebda skavar. Is-siġar u l-arbuxelli li diġà hemm mhumiex se jitneħħew u se jitħawlu aktar siġar indiġeni fosthom siġar taċ-ċitru, tal-arżnu (pine), tal-oleandru u bougainvillea. 

Fiż-żmien li ġej se jsiru aktar studji arkeoloġiċi kif ukoll reviżjonijiet żgħar fl-applikazzjoni, inkluż li tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-proposta ta’ pixxina b’tul ta’ ħames metri fuq il-ġibjun. 

Ekonomija

Sport