L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Franco Fenech bħala kappillan tal-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun.
Dun Franco twieled fis-27 ta’ Lulju 1966 f’Tal-Pietà u rċieva l-edukazzjoni primarja
fl-iskola statali tal-Marsa, is-sekondarja fil-Liċeo tal-Ħamrun, u l-postsekondarja
fil-Kulleġġ De La Salle fil-Birgu. Fi Frar 1986 daħal mal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini u rċieva l-formazzjoni reliġjuża f’Pesaro l-Italja. Dun Franco għamel l-istudji tiegħu fis-Seminarju ta’ Fano, li hu affiljat mal-Università tal-Lateran f’Ruma. Huwa għamel il-professjoni reliġjuża fis-7 ta’ Jannar 1993 u ġie ordnat djaknu xahrejn wara.
Dun Franco ġie ordnat saċerdot fit-8 ta’ Lulju 1994. Wara l-ordinazzjoni kompla l-istudji tiegħu fl-Università Gregorjana f’Ruma, l-Italja. Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala animatur vokazzjonali fi ħdan l-Ordni Franġiskan, kien direttur tal-postulanti u tal-postnovizzi, mexxa dar tat-talb fil-Wardija, serva wkoll bħala viċi kappillan tal-parroċċa ta’ Lourdes f’San Ġwann, u kien membru tal-komunità parrokkjali ta’ Marija Regina fil-Marsa.
Bejn l-2002 u l-2015, Dun Franco kien il-kappillan tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u huwa wkoll il-fundatur tal-Fondazzjoni RISe, li toffri programm residenzjali ta’
rijabilitazzjoni għall-priġunieri. Fl-2015 beda jaħdem pastoralment fl-Isptar Mater Dei u fl-2018 beda jservi fil-parroċċa Sant’Andrija f’Ħal Luqa.
Il-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun tiġbor fiha madwar 4,560 persuna.
L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Patri Bertrand Vella tal-Aħwa Minuri Kapuċċini
bħala kappillan tal-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann.
Patri Bertrand twieled fl-14 ta’ Ottubru 1977 u trabba Ħal Tarxien. Huwa gradwat bħala għalliem tar-Reliġjon mill-Università ta’ Malta. Wara li fl-2006 daħal mal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini, huwa studja l-Filosofija fl-Istituto Teologico di Assisi fl-Italja u t-Teologija fl-Università ta’ Malta. Studja wkoll il-Kura Pastorali mal-Morda fl-Istituto Internazionale di Teologia Pastorale Sanitaria ‘Camillianum’ f’Ruma fl-Italja.
Huwa ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Lulju 2015 u matul dawn l-aħħar sitt snin kien
kappillan fl-Isptar Mater Dei. F’Mejju li għadda ġie magħżul bħala wieħed mill-kunsilliera tal-Ministru Provinċjal tal-Aħwa Minuri Kapuċċini.
Il-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann tiġbor fiha madwar 13,000 persuna.