Wednesday, April 16, 2025

L-Arċisqof Charles Scicluna jżur Dar Papa Franġisku u d-Dar tal-Kleru matul ir-Randan

Aqra wkoll

Matul iż‑żmien tar‑Randan, żmien li jistedinna nieqfu, nirriflettu u nkunu qrib il‑persuni fil‑bżonn, l‑Arċisqof Charles Scicluna għamel żewġ żjarat pastorali f’Birkirkara, fejn qatta’ ħin mal‑persuni li jibbenefikaw mis‑servizzi ta’ Dar Papa Franġisku, u mas‑saċerdoti anzjani fid‑Dar tal‑Kleru.

Il‑preżenza tiegħu serviet bħala eżempju ħaj tal‑messaġġ ta’ Kristu: li nħobbu, naqdu u nkunu preżenti għal xulxin, speċjalment dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà.

F’Dar Papa Franġisku l‑Arċisqof ltaqa’ mal‑ħaddiema u l‑voluntiera kif ukoll mal‑persuni li jagħmlu użu mis‑servizz ta’ nofsinhar. Waqt ikla ma’ dawk preżenti, l‑Arċisqof sema’ wħud mill‑esperjenzi li jiltaqgħu magħhom. Spjegaw li għall‑ikla ta’ nofsinhar, kuljum jiftħu l‑bieb tad‑Dar għal iktar minn 50 persuna, waqt li bejn is‑Sibt u l‑Ħadd jilqgħu madwar 75 persuna oħra. Bosta minn dawn l‑individwi m’għandhomx saqaf fuq rashom, jew ikunu għaddejjin minn problemi finanzjarji u soċjali, jew jinsabu weħidhom u jbatu minn solitudni.

Dar Papa Franġisku toffri ħafna iktar minn ikla bnina. Kull min jagħmel użu mis‑servizzi tagħha jista’ jinħasel, jaħsel ħwejġu, jistrieħ f’ambjent sikur, u jirċievi għajnuna minn ħaddiema soċjali professjonali. Billejl, id‑Dar tipprovdi sodda lil irġiel bejn 18 u l‑59 sena.

L‑Arċisqof Scicluna rringrazzja lil Fondazzjoni Dar il‑Hena, lil Caritas Malta li tieħu ħsieb il‑ħidma ta’ kuljum, u lil kull min qed jgħin fil‑missjoni ta’ Dar Papa Franġisku sabiex tkompli tkun għajn ta’ tama għal min għaddej minn mumenti iebsa fil‑ħajja. “Dar Papa Franġisku mhix biss post ta’ kenn u dinjità iżda sservi ta’ pont għal ħajja iktar indipendenti,” qal l‑Arċisqof.

It‑tieni żjara pastorali tal‑Arċisqof Scicluna kienet lis‑saċerdoti anzjani fid‑Dar tal‑Kleru. Iż‑żjara bdiet b’quddiesa mas‑saċerdoti residenti, li matulha ħadu sehem ukoll studenti mill‑Kulleġġ ta’ Santa Klara li qattgħu ġurnata volontarjat fid‑Dar. Wara l‑quddiesa, Mons. Arċisqof qatta’ ftit tal‑ħin mas‑saċerdoti u mas‑sorijiet tal‑Qaddejja taċ‑Ċenaklu li jieħdu ħsiebhom. Huwa mbagħad żar is‑saċerdoti li ma setgħux joħorġu minn kamrithom.

Fit‑Tieni Ħadd tar‑Randan, l‑Arċisqof Scicluna ltaqa’ wkoll mal‑persuni li jinsabu fil‑Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’Raħal Ġdid, fejn iċċelebra quddiesa u żar diversi diviżjonijiet tal‑ħabs.

Dar Papa Franġisku u d‑Dar tal‑Kleru huma mmexxija mill‑Knisja f’Malta. Min jixtieq jgħin fix‑xogħol siewi tagħhom fis‑soċjetà, jista’ jagħti donazzjoni online fuq caritasmalta.org/donate jew elderlyhomes.church.mt/dar‑tal‑kleru.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport