Monday, May 6, 2024

L-ARĊISQOF EMERITU PAWL CREMONA

Jikteb FRANS GHIRXI

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd 1 ta’ Ottubru, 2023 temmejt l-artiklu tiegħi IL-KNISJA MALTIJA FI KRIŻI. GĦALIEX? billi wgħedtek li nirriproduċi artiklu li kont ktibt dwar il-manuvrar li kien sar minn grupp ta’ qassisin li nemmen li wassal biex Pawlu Cremona jirreżenja minn Arċisqof ta’ Malta. U hekk qed nagħmel. L-artiklu oriġinali kont ktibtu fil-ġurnal ‘l-orizzont’ il-Ħamis, 30 ta’ Ottubru 2014. Kont ktibt hekk:

Lill-Arċisqof Emeritu Pawl Cremona ma nistax ngħid li nafu sew. Bħal bosta, segwejtu minn meta kien inħatar Arċisqof ta’ pajjiżna. Iltqajt miegħu mill-qrib u għal ċertu tul ta’ ħin meta kont parti minn laqgħa esploratorja ta’ delegazzjoni tal-Knisja mmexxija minnu bil-għan li jikber s-sehem tal-Knisja Maltija fejn jidħlu residenzi għall-anzjani.

F’laqgħa li spikkaw il-karatteristiċi ta’ dan il-bniedem li f’dawn il-jiem tant issemmew u se jibqgħu jissemmew.

Meta fis-sajf li għadda żbroffa l-attakk, fl-opinjoni tiegħi ferm u ferm iebes, fuq it-tmexxija ta’ Pawl Cremona minn grupp ta’ qassisin, issorprendejt ruħi. Issorprendejt ruħi, u f’ċertu stadju skandalizzajt ruħi. Illum, li issa Pawl Cremona m’għadux Arċisqof imma sar Arċisqof Emeritu, skandalizzajt ruħi aktar milli ssorprendejt ruħi. Fi kliem l-Arċisqof Emeritu, ir-raġuni PRIMARJA li wasslitu biex jieqaf mill-Episkopat tiegħu kienet saħtu. L-aġir ta’ grupp ta’ qassisin tul is-sajf li għadda seta’ ħaffef, għaġġel lil Pawl Cremona fid-deċiżjoni tiegħu. Deċiżjoni li kien ilu jaħseb fuqha għal dawn l-aħħar sentejn, minn meta bdew il-problemi ta’ saħħa.

Tali sitwazzjoni tippreżentali diversi mistoqsijiet dwar ir-riżenja ta’ Monsinjur Pawl Cremona. Mistoqsijiet li nixtieq naqsamhom magħkom.

Ir-raġuni PRIMARJA għall-waqfien tal-Episkopat Cremona hija daqshekk konvinċenti? Jew hija raġuni diplomatika, kawta, prudenti, bil-ħsieb li ma ssirx ħsara lill-Knisja Maltija? Għaliex qiegħed nistaqsi hekk? Għax ngħid għalija l-kampanja iebsa, u pubblika, tas-sajf li għadda lili personali dejqitni bil-kbir. Bażikament għax kienet ġejja minn grupp ta’ qassisin.

Min-naħa l-oħra jien min jien biex niddubita minn kliem Monsinjur Pawl Cremona? Lanqas noħlomha li ngħid li Monsinjur Cremona ma kienx qed jgħid il-verità. L-aktar li nasal biex ngħid hu li Monsinjur Pawl Cremona tant iħobb lill-knisja, tant iridilha ġid, li kien, u għadu lest, jagħti l-prijorità lir-raġuni tas-saħħa fuq kull raġuni oħra.

Il-grupp tal-qassisin wara l-kampanja ta’ attakk fuq it-tmexxija ta’ Mons. Pawl Cremona.

Kienu huma biss wara din il-kampanja? Jekk le, kemm kien hemm? Jekk le, għaliex kienu huma BISS li ħassew li għandhom jagħmlu kampanja pubblika fl-opinjoni tiegħi immirata biex twassal għal dak li finalment wasslet?

Lili, li ma nikkonsidrax lili nnifsi bħala xi Kattoliku daqstant prattikanti, l-attitudni ta’ dawn il-qassisin ftit li xejn tgħinni nersaq aktar ‘il quddiem. Anzi. Tħallini fejn jien jekk ukoll ma timbuttanix aktar lura. Għalhekk aktar ‘l fuq għidt “issorprendejt ruħi, u f’ċertu stadju skandalizzajt ruħi”.

Nistaqsi aktar. Il-grupp ta’ qassisin li dehru fil-kampanja, kienu jafu li saħħet l-Arċisqof kienet sejra lura? Jekk kienu jafu, meta saru jafu? Qabel bdew il-kampanja pubblika tagħhom jew wara? Jekk qabel, kif kellhom il-kuxjenza jagħmlu l-kampanja li għamlu?Jekk wara, iddispjaċihom għal dak li għamlu? Kif ħassewhom x’ħin semgħu lil Mons Pawl Cremona jgħid li l-kritika tagħhom setgħet ħaffet, għaġġlet, id-deċiżjoni tiegħu?

Aktar mistoqsijiet. Dan il-grupp ta’ qassisin kemm kienu ilhom li ddeċidew li jagħmlu pubblika l-kampanja tagħhom dwar “kriżi fit-tmexxija tal-Knisja lokali”? Ħarġu fil-pubbliku għax internament ma waslux? Meta jgħidu “kriżi fit-tmexxija” x’jifhmu biha? Mons Pawl Cremona waħdu jew anke dawk ta’ madwaru? Issa li Mons Cremona waqaf qegħdin jistennew li jkun hemm ‘clean sweep’? Iwarrab kull min kien fiċ-ċirku immedjat ta’ Monsinjur Pawl Cremona?

Għandi aktar x’nistaqsi. Issa li, fl-opinjoni tiegħi, ġie sagrifikat Monsinjur Pawl Cremona, x’qegħdin jistennew dan il-grupp ta’ qassisin? La, skont huma hemm kriżi fit-tmexxija tal-Knisja f’Malta, x’jissuġġerixxu li għandu jsir mis-suċċessur ta’ Mons Pawl Cremona? X’inhi l-Knisja li jixtiequ jaraw u li llum m’għandniex?
Il-kriżi ta’ tmexxija li semmew kemm kienu ilhom jarawha? Skont huma, kemm bdiet wara l-bidu tal-Episkopat ta’ Pawlu Cremona, jekk wara kollox bdiet waqt l-Episkopat ta’ Pawl Cremona? Jew, skont huma, Monsinjur Pawl Cremona mhux talli ma solviex dak li wiret, talli taħtu l-kriżi aggravat? X’għamlu huma bil-għan li tingħeleb il-kriżi ta’ tmexxija?

Inkompli nistaqsi. X’inhuma l-‘kwalifiki’ li jridu jaraw fis-suċċessur ta’ Pawlu Cremona u li huwa ma kellux? Ma naħsibx li m’għandhomx f’moħħhom lil xi ħadd.

Lanqas biss jgħaddili minn moħħi li dan il-grupp ta’ qassisin ma jridx ġid lill-Knisja Maltija. Imma min-naħa l-oħra jkolli ngħid li lili personali qabel jiċċarawli s-sitwazzjoni u qabel nara min se jkun l-Arċisqof il-ġdid, ftit li xejn se nħossni inqas skandalizzat milli kont fis-sajf li għadda.

Nittama biss li ma jaslux għall-konklużjoni li “bi Frans u mingħajru x’differenza ssirilha l-Knisja Maltija?”

Fl-opinjoni umli tiegħi huma affarijiet bħal dawn min-naħa ta’ dan it-tip ta’ qassisin li qegħdin jikkontribwixxu bil-kbir għall-kriżi li nemmen li tinsab fiha l-Knisja Maltija. Kif tista’ tafdahom?

Sport