Sunday, December 22, 2024

L-Arċisqof ifakkar il-wasla tal-Konvoj u jgħid li kien hemm min approfitta ruħu mill-ġid li wasal

Aqra wkoll

Waqt l-omelija tal-quddiesa fis-Solennità ta’ Marija Mtellgħa s-Sema li saret ilbieraħ fil-Bażilika Minuri tal-Mosta, l-Arċisqof tkellem dwar id-diversi vjaġġi ta’ Marija. Fakkar dwar il-vjaġġi tagħha minn dak għal ħdejn Eliżabetta sal-aktar mumenti ebsin li kellu jwassalha biex tara lil binha –  lit-tarbija li welldet u rabbiet – jiġi msallab u rredikolat. Scicluna uża dawn il-vjaġġi ta’ Marija biex ifakkar dwar l-imħabba tal-omm li minkejja t-tbatijiet kollha li kellha tgħaddi minnhom, baqgħet hemm viċin binha sakemm saħansitra ġiet imgerrba l-ġebla tal-qabar tiegħu. 

L-Arċisqof għamel ukoll referenza għat-Tieni Gwerra Dinjija u kif matul dak iż-żmien iebes għal pajjiżna, Sidtna Marija daħlet għall-komunità Mostija u ħarset il-post li fih kienet qiegħda tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Żied jgħid li bħal-lum 80 sena fil-Port il-Kbir, il-Maltin inġabru biex jibdew jieħdu minn dak li kien il-frott ta’ ħidma kbira tal-alleati biex iwasslulna dak li kellna bżonn. Hawnhekk b’nofs daħka qal li għalkemm inġabru biex jieħdu b’mod sew, kien hemm min approfitta ruħu għax il-Malti Malti jibqa’.

“Bir-raġun, Operation Pedestal, saret il-Konvoj ta’ Santa Marija. Illum nirringrazzjaw lil Alla talli Marija wrietna biċ-ċar li timxi magħna u tħarisna”, tenna l-Arċisqof.

Iżda l-Arċiqsof kompla jistaqsi: “Illum l-għadu min hu, fejn qiegħed? Kulħadd jagħmel eżami tal-kuxjenza fuq din id-domanda. X’ħarsien għandna bżonn? Liema hu d-dragun li jissemma fl-ewwel qari tal-lum għassa biex jibla’ l-wild tal-Knisja? Il-wild ta’ Marija liema hu? Aħna ma’ liema parti qegħdin? Ejjew nitlobu lil Marija tħarisna u tmexxina fit-triq flimkien magħha. Santa Marija tat-triq tagħna u tiegħek, għallimna nixmu flimkien ma’ Ġesù.”

Ekonomija

Sport