Il-quddiesa pontifikali fil-festa tal-Appostlu Missierna San Pawl, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, li saret dalgħodu fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta. Għall-quddiesa attendew l-ogħla awtoritajiet tal-Istat fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.
Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof jiffoka fuq il-lifgħa bħala simbolu ta’ akkuża falza u ġudizzju żbaljat. Il-lifgħa li qabdet ma’ id Pawlu, skont ir-reazzjoni tal-Maltin, kienet meqjusa bħala strument ta’ ġustizzja li kellha twassal għall-mewt ta’ “qattiel” imma minħabba li Pawlu kulma għamel farfarha fin-nar u ma ġralu xejn – uriet li kienet akkuża infamanti u għalhekk mhux ġustizzja vera. B’hekk, il-lifgħa ssir xbieha tal-kalunja, tal-ġudizzji mgħaġġla u tal-velenu tal-kliem li jista’ jeqred ir-reputazzjoni tal-bniedem.
L-Arċisqof iħeġġiġna “nfarfru l-lifgħa li tista’ sserrep bejnietna” waqt li nimmaġinaw kif Pawlu ħeles mil-lifgħa li qabdet m’idu. “Il-lifgħa f’dawn l-elfejn sena dejjem fhimnieha bħala akkuża infamanti li l-Appostlu li ġabilna l-ħajja nagħmluh qattiel u hu jfarfar il-lifgħa ġewwa n-nar”
“Ejjew meta nitkellmu fuq xulxin niftakru f’dik il-lifgħa. Jista’ jkun li l-ġudizzju tiegħi mhux skont il-verità. Jekk m’iniex ċert, niskot. Allaħares meta ngħaddu ġudizzju fuq xulxin ikun malizzjuż. Hemm bżonn nitgħallmu mil-lifgħa ta’ San Pawl li nkunu aġenti tal-verità u mhux aġenti tal-gidba. It-traġedja l-kbira hi li l-Maltin għall-bidu ħasbu li l-lifgħa kienet strument ta’ ġustizzja. Pawlu billi jfarfarha fin-nar jipperswadihom li kienet aġent tal-inġustizzja. L-għażla f’idejna.”

