Tuesday, July 15, 2025

L-Arċisqof imexxi pellegrinaġġ f’Lourdes għall-pazjenti Maltin

Aqra wkoll

L‑Arċisqof Charles Scicluna flimkien ma’ 185 persuna oħra ħallew Malta sabiex mil‑lum jibdew il‑pellegrinaġġ annwali ta’ erbat ijiem f’Lourdes għall‑pazjenti Maltin organizzat mill‑Għaqda Maltija Trasport tal‑Morda f’Lourdes (UMTAL).

L‑Arċisqof hu akkumpanjat minn Dun Joe Mizzi, id‑direttur spiritwali tal‑UMTAL, flimkien ma’ żewġ saċerdoti oħra li se jieħdu ħsieb l‑aspett spiritwali tal‑pazjenti u l‑pellegrini Maltin matul il‑pellegrinaġġ.

Tim mediku magħmul minn tmien tobba, tmien infermiera, erba’ spiżjara u radjografu, se jqisu li l‑50 pazjent ma jonqoshom xejn u jibqgħu jirċievu l‑kura medika meħtieġa.

Din is‑sena, jgħinu wkoll il‑pazjenti, se jkun hemm 70 voluntier, li minnhom 31 huma voluntiera ġodda, 13‑il voluntier ieħor li għalihom din hi t‑tieni esperjenza, filwaqt li l‑kumplament tas‑26 voluntier ilhom jgħinu f’dan il‑pellegrinaġġ għal bosta snin.

Matul il‑pellegrinaġġ, il‑pazjenti, il‑voluntiera u l‑pellegrini jgħixu flimkien l‑esperjenza straordinarja tal‑fidi u l‑imħabba f’Lourdes. Se jieħdu sehem f’diversi funzjonijiet reliġjużi, fosthom fil‑quddiesa internazzjonali, l‑Adorazzjoni tal‑Ewkaristija Mqaddsa u l‑purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l‑Aux Flambeaux. L‑Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi wkoll quddiesa bil‑Malti fil‑Grotta tal‑Madonna u wara jmexxi l‑Via Sagra.

L‑UMTAL ilha sa mill‑1930 tagħmel dan il‑pellegrinaġġ possibbli għal nies li, minħabba problemi ta’ saħħa, isibuha diffiċli jżuru dan is‑santwarju qaddis. Min jixtieq jgħix din l‑esperjenza s‑sena d‑dieħla, jista’ jżur il‑website umtalmalta.org.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport