Thursday, March 28, 2024

L-Arċisqof jappella biex nipproduċu “għasel” u mhux “aċtu u velenu” fuq il-midja soċjali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-messaġġ tiegħu għall-Milied, l-Arċisqof Charles Scicluna fakkarna li l-Bambin twieled ġo għar u tqiegħed f’maxtura għax ma kienx hemm post għalih f’Lukanda. 

Filwaqt li staqsa kif nistgħu nagħmlu biex inkunu aktar qrib xulxin dan il-Milied, Scicluna spjega li l-istudjużi jgħidulna li isem pajjiżna ġej mill-Feniċju Malat li tfisser port ta’ kenn u post sigur u għalhekk ma nistgħux li f’dawn il-jiem sabiħ ta’ festi ninsew lil xi ħadd minn fostna. Huwa appella lill-poplu biex jiftakar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, lil dawk f’istituzzjonijiet oħra, l-anzjani u lil dawk kollha jsibu ruħhom waħidhom. 

Sostna li tajjeb niftakru f’dawk li forsi waqgħu f’xi vizzji, f’dawk li qed jippruvaw isibu l-hena tagħhom f’xi ħaġa li minflok tibnihom, tkissirhom. Dawk huma wkoll parti mill-familja tagħna u rridu nkunu qrib tagħhom u naħdmu biex bl-għożża ta’ bejnietna Malta tkun tassew ta’ kenn għal kull min jgħix fuqha. 

Huwa jirreferi għal kelma oħra li hija mel, mill-għasel li huwa prodott tal-bżulija tan-naħla iżda li minkejja kollox il-ħidma tagħha ma tistax tkun kompleta mingħajr il-fjuri fil-kampanja u b’hekk kemm inkunu għaqlin li nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna.

Ma naqasx milli jitkellem dwar il-kummenti fuq il-midja u staqsa għalfejn sfortunatament xi drabi dan l-għasel jinbidel f’aċtu u velenu ta’ tagħjir u kliem iebes fil-konfront ta’ xulxin.

Scicluna temm jawgura lil kulħadd f’dawn il-jiem ta’ festi u rringrazzja lil dawk kollha li qegħdin jaħdmu biex pajjiżna jibqa’ jipproduċi dan l-għasel bl-akkoljenza tagħhom biex ħadd ma jispiċċa barra bħalma spiċċa Ġesu Bambin minħabba li l-lukandi kienu kollha mimlijin.

Ekonomija

Sport